It-Tmintax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on July 30, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tmintax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

X’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa?

Qari mill-Ktieb ta’ Qoħelet 
O frugħa tal-frugħat, jgħid Qoħèlet.
O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa!
Għax dan jiġri: wieħed, li jkun ħadem bl-għaqal u l-ħila u
b’suċċess, ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma tħabat
għalih. Dan ukoll frugħa u ħaġa mill-agħar.
Għax x’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa taħt
ix-xemx? Għomru kollu jbati u jinħaqar bil-kedda u lanqas billejl ma
jserraħ rasu. Dan ukoll hu frugħa!

Salm Responsorjali

Rl. : Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: «Erġgħu lura, intom bnedmin!»
Elf sena huma għalik bħal jum ta’ lbieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl. Rl.

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
filgħodu jwarrad u jħaddar,
filgħaxija jidbiel u jinxef. Rl.

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek! Rl.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ idejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. Rl.

It-Tieni Qari

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema,
fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema,
mhux f’dawk tal-art.
Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu
f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom
ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.
Mewtu ġo fikom dak kollu li hu tal-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat
ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija.
Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil
kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skont
ix-xbieha ta’ min ħalqu, u jikber fl-għerf.
Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbaru jew
Skita, ilsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: «Mgħallem, għid lil
ħija jaqsam il-wirt miegħi.» Wieġbu Ġesù: «Ħabib, min qegħedni
mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?»
Imbagħad qal lin-nies: «Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn
kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma
tiddependix mill-ġid li jkollu.»
U qalilhom parabbola: «Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott
mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “X’se
nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara
x’nagħmel,” qal: “inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar,
u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid
lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela
strieħ, kul, ixrob, ixxala!” Iżda qallu Alla: “Iblah li int! Dan il-lejl
stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?”
Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna
quddiem Alla.»

Ikkummenta