Il-Liturġija fil-ħajja tal-parroċċa

Posted by on August 6, 2016 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Il-Liturġija fil-ħajja tal-parroċċa

Il-liturġija m’hix ħaġa stramba, mixħuta hemm, ’il bogħod, u waqt li għaddejja ċ-ċelebrazzjoni jien noqgħod naħseb f’tant affarijiet, jew nitlob ir-rużarju. Hemm rabta ta’ qbil bejn iċ-ċelebrazzjoni liturġika li mbagħad jiena nġorr f’ħajti; u fuq dan jeħtieġ nibqgħu naħdmu, fadal triq twila x’nimxu mhux ħażin.

Il-Kostituzzjoni Konċiljari Sacrosanctum concilium tiddefinixxi l-liturġija bħala “l-ewwel  għajn indipensabbli li minnha l-fidili jieħdu l-ispirtu tabilħaqq Nisrani” (nru 14).  Dan ifisser li għandna nagħfsu aktar fuq ir-rabta essenzjali li tgħaqqad flimkien il-ħajja tad-dixxipli ta’ Ġesù u l-qima liturġika.  Din m’hix qabel xejn xi duttrina li rridu nifhmu, jew rit li rridu nwettqu; naturalment hi dan ukoll, imma b’mod ieħor, essenzjalment differenti: hi għajn ta’ ħajja u ta’ dawl għall-mixja tal-fidi tagħna.

Għalhekk, il-Knisja qed issejħilna biex ikollna u nippromovu ħajja liturġika awtentika, biex jista’ jkun hemm sintonija bejn dak li l-liturġija tiċċelebra u dak li aħna ngħixu fil-ħajja tagħna.  Dan ifisser li fil-ħajja nesprimu dak li aħna rċivejna permezz tal-fidi u dak li ċċelebrajna (ara Sacrosanctum concilium, 10).

Id-dixxiplu ta’ Ġesù ma jmurx il-knisja biss biex josserva xi preċett, biex iħossu f’postu ma’ Alla ħalli mbagħad dan ma joqgħodx “jiddisturbah” wisq.  “Għax jien, Mulej, kull nhar ta’ Ħadd immur, nagħmel…, issa int tindaħallix f’ħajti, iddejjaqnix”.  Hekk iġibu ruħhom ħafna Kattoliċi. Id-dixxiplu ta’ Ġesù jmur il-knisja biex jiltaqa’ mal-Mulej u fil-grazzja tiegħu, li taħdem permezz tas-Sagramenti, isib il-qawwa biex jaħseb u jaġixxi skond il-Vanġelu.  Għaldaqstant ma nistgħux nilludu ruħna li nistgħu nidħlu fid-dar ta’ Alla u “ngħattu”, bit-talb u l-prattiċi tad-devozzjoni, kull imġiba li tmur kontra dak li titlob minna l-ġustizzja, l-onestà jew l-imħabba tal-proxxmu.  Ma nistgħux, bil-“qimiet reliġjużi” tagħna nieħdu post dak li suppost nagħtu lill-proxxmu tagħna, u hekk noqogħdu kull darba nipposponu l-konverżjoni vera.  Il-kult, iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, huma l-ambjent ipprivileġġjat fejn nisimgħu l-leħen tal-Mulej, li jmexxina fit-triq tas-sewwa u tal-perfezzjoni Nisranija.

Fid-dawl ta’ dan kollu ejjew ngħamlu sforz din is-sena biex il-parteċipazzjoni tagħna fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi marbutin mal-festa f’ġieħ San Ġiljan tkun waħda attiva u ħajja. Ejjew ma nħallux dan ix-xahar speċjali jgħaddi mingħajr ma nikkomettu ruħna li se ngħixu l-jiem tal-festa b’differenza sabiex il-frott ta’ dak li nkunu qed niċċelebraw tassew jinħass. F’din is-sena speċjali tal-125 sena mit-twaqqif tal-parroċċa, ejjew nieqfu u nirriflettu fuq dak li hu essenzjali għall-ħajja nisranija wkoll.

Fr Claude

Ikkummenta