L-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
F’dak iż-żmien, il-prinċpijiet marru jgħidu lis-sultan: «Ħalli jiġi
maqtul Ġeremija, għax b’dan il-kliem li qiegħed jgħidilhom qiegħed
jaqta’ qalb is-suldati li fadal f’din il-belt u qalb il-poplu kollu. Tassew,
bniedem bħal dan mhuwiex ifittex il-ġid ta’ dan il-poplu, imma
l-qerda tiegħu.» U s-sultan Sedekija qalilhom: «Araw, f’idejkom, hu!
Għax is-sultan ma jista’ jagħmel xejn magħkom.»
U ħadu lil Ġeremija u xeħtuh fil-bir ta’ Malakija, bin is-sultan, li kien
fil-bitħa tal-għassa; imbagħad lil Ġeremija niżżluh bil-ħbula f’dan
il-bir; ilma ma kienx fih, imma ħama biss; u Ġeremija għodos
fil-ħama.
Għebed-melek ħareġ mill-palazz tas-sultan, mar ikellmu u qallu:
«Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu ruħhom ħażin f’kulma għamlu
lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u dalwaqt imut bil-ġuħ,
għax ma baqax ħobż fil-belt.» Is-sultan imbagħad ordna lil
Għebed-melek, il-Kusi, u qallu: «Ħu miegħek tlitt irġiel minn
dawn u mur tella’ lil Ġeremija, il-profeta, mill-bir, qabel ma jmut.»

Salm Responsorjali

Rl. : Mulej, fittex għinni.

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja
u sama’ l-għajta tiegħi. Rl.

Minn bir waħxi tellagħni,
minn qalb il-ħama u t-tajn;
fuq il-blat qegħedli riġlejja,
u saħħaħli l-mixi tiegħi. Rl.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.
Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu,
u jittamaw fil-Mulej. Rl.

Jien, fqajjar u msejken,
għandi ’l Sidi jaħseb fija.
Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi;
iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi! Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra lil Lhud
Ħuti, ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira
ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr
ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li
għandna quddiemna.
Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih
tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad
għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa
tal-lemin tat-tron ta’ Alla.
Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa
tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom. Sa issa
fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes
li wasaltu biex xerridtu demmkom.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Nar ġejt inqiegħed
fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li
biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!
Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom,
imma l-firda; għax mil-lum ‘il quddiem ħamsa minn nies f’dar
waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra
tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier,
l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart
binha u mart l-iben kontra omm żewġha.»

About the author

Ikkummenta