Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on September 18, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Il-Mulej kontra dawk li jixtru bil-flus il-foqra.

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos
Il-Mulej qalli: «Isimgħu dan,
intom li tikkalpestaw l-imsejken,
intom li ttemmu l-foqra tal-pajjiż,
u tgħidu: “Meta se jgħaddi l-qamar ġdid,
ħa nbigħu l-qamħ?
Meta se jgħaddi s-Sibt ħa nferrgħu x-xgħir,
inċekknu l-efa, u nkabbru x-xekel,
u nqarrqu b’miżien falz,
nixtru bil-flus il-foqra,
u b’żewġt iqrieq l-imsejken?
Inbigħu sal-karfa tal-qamħ.”»
Il-Mulej ħalef bil-foħrija ta’ Ġakobb:
«Ma ninsa qatt xejn minn għemilhom!»

Salm Responsorjali

Rl. : Faħħru lill-Mulej, li jerfa’ l-fqir

Faħħru, qaddejja tal-Mulej,
faħħru isem il-Mulej.
Ikun isem il-Mulej imbierek,
minn issa u għal dejjem! Rl.

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,
ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna,
li qiegħed fl-għoli,
u li jħares ’l isfel,
lejn is-smewwiet u lejn l-art? Rl.

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken,
u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,
biex mal-kbarat iqiegħdu,
mal-kbarat tal-poplu tiegħu. Rl.

It-Tieni Qari

Itolbu għall-bnedmin kollha, għax Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw.

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, nitolbok l-ewwel nett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u
radd il-ħajr għall-bnedmin kollha; għas-slaten, għal dawk kollha li
għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet
u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq. Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla
s-Salvatur tagħna, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex
jagħrfu l-verità.
Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem,
il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal
kulħadd; u x-xhieda ta’ dan ngħatat f’waqtha. Hu għal dan li jien
kont magħmul xandâr u appostlu – qiegħed ngħid is-sewwa, m’iniex
nigdeb – biex ngħallem lill-ġnus il-fidi u l-verità.
Nixtieq li l-irġiel jitolbu kullimkien, jerfgħu ’l fuq idejn safja bla
għadab u bla ġlied.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Sidna Ġesù Kristu, li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: «Min hu fidil f’ħaġa
tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew
żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom
fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma
wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak
li hu tagħkom?
Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod
lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u
jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.»

Ikkummenta