L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on September 10, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Mosè: «Mur u inżel, għaliex tħassar
il-poplu tiegħek, li inti tellajt mill-Eġittu. Malajr warrbu mit-triq li
jiena wrejthom: għamlu għalihom għoġol tal-metall imdewweb, niżlu
wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju u qalu: “Dawn huma
l-allat tiegħek, Iżrael, li tellgħuk mill-art tal-Eġittu.”»
U l-Mulej issokta jgħid lil Mosè: «Jiena ħarist lejn dan il-poplu, u rajt
li hu poplu ta’ ras iebsa. Ħallini waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla
tiegħi għalihom u neqridhom. U lilek nagħmlek ġens kbir.»
Mosè mbagħad talab bil-ħniena quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u
qal: «Għaliex, Mulej, tixgħel bil-korla tiegħek għall-poplu tiegħek,
li int, b’ħila kbira u b’id qawwija, ħriġtu mill-art tal-Eġittu? Ftakar
f’Abraham, f’Iżakk u f’Iżrael, il-qaddejja tiegħek, li int ħliftilhom bik
innifsek u għedtilhom: “Inkattar in-nisel tagħkom bħall-kwiekeb
tas-sema, u din l-art kollha, li jien wegħedt, nagħtiha lil nisilkom
bħala wirt għal dejjem.”»
U l-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.

Salm Responsorjali

Rl. : Inqum u mmur għand missieri

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. Rl.

Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. Rl.

Iftaħli xufftejja, Sidi,
u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;
qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan
ix-xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni
ministru tiegħu, lili li qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi
tiegħu. Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont
naf, billi kont għadni bla fidi. Anzi lili l-grazzja ta’ Sidna kienet
mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u mal-imħabba, li hi fi Kristu
Ġesù.
Din hija kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu
Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel
wieħed. Iżda jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala
l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu, b’eżempju
għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta’
dejjem.
Lis-Sultan ta’ dejjem, li ma jmutx u li ma jidhirx, lil Alla waħdu,
ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Alla kien li ħabeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù
bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba
kienu jgemgmu u jgħidu: «Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol
magħhom.»
Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: «Min hu dak fostkom li
jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u
disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?
U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar,
isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi,
għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.” Ngħidilkom li l-istess jiġri
fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem
milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’
ndiema.
Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda
minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’
tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil
ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma
li kienet intilfitli.” Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost
l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.»

Ikkummenta