Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on September 30, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħabakuk
Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna
u int ma tismax,
jew ngħajjat: «Vjolenza!»
u int ma ssalvax?
Għaliex turini l-ħażen,
u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?
Quddiemi qerda u vjolenza,
hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.
Imbagħad il-Mulej wieġeb u qalli:
«Ikteb id-dehra,
onqoxha fuq tavlozzi,
hekk li jkun jista’ jħaffef min jaqraha.
Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha,
tistenna sa ma ttemm, u ma tqarraqx.
Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha,
għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!
Arah jinfena min mhux ruħu sewwa,
iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.»

Salm Responsorjali

Rl. : Isimgħu leħen il-Mulej, u twebbsux qalbkom

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ. Rl.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. Rl.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
«La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt.» Rl.

It-Tieni Qari

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, infakkrek biex tqajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik
bit-tqegħid ta’ jdejja; għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma
Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan.
Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba
fija, priġunier tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju,
u afda fil-qawwa ta’ Alla.
Żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ li smajt
mingħandi, fil-fidi u fl-imħabba li huma fi Kristu Ġesù. Ħares
bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien
fdat f’idejk.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Il-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem:
din hi l-kelma tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: «Kattar fina l-fidi!»
Weġibhom il-Mulej: «Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa
tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur
tħawwel fil-baħar,” u hi kienet tisma’ minnkom.
Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta
jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew:
“Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien,
u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli
jkun għamel li ordnalu?
Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu:
“Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna
nagħmlu.”»

Ikkummenta