It-Tlieta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on September 2, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tlieta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Min jista’ jagħraf ħsieb Alla?
Min jista’ jifhem x’irid il-Mulej?
Beżżiegħa huma ħsibijiet il-bnedmin,
u kull pjan tagħna mhu xejn fiż-żgur;
għax ruħna mtaqqla b’ġisem li jitħassar,
u għar-ruħ li taħseb hu piż it-tafal li fih tgħammar.
Bilkemm nistgħu nintebħu x’hemm fuq l-art,
u bit-tbatija nsibu dak li hu taħt għajnejna;
mela min jista’ jitkixxef fuq il-ħwejjeġ tas-sema?
Min qatt għaraf ir-rieda tiegħek,
jekk int innifsek ma tajtux l-għerf,
u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-ispirtu qaddis tiegħek?
Hekk saru dritti triqat in-nies tal-art,
hekk tgħallmu l-bnedmin dak li jogħġob lilek,
u salvaw bis-saħħa tal-għerf.

Salm Responsorjali

Rl. : Mulej int kenn għalina

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: «Erġgħu lura, intom bnedmin!»
Elf sena huma għalik bħal jum ta’ lbieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl. Rl.

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
filgħodu jwarrad u jħaddar,
filgħaxija jidbiel u jinxef. Rl.

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. Rl.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ idejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. Rl.

It-Tieni Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filemon
Għażiż, jiena, Pawlu, raġel xwejjaħ, u issa priġunier ta’ Kristu Ġesù,
qiegħed nitolbok bil-ħerqa għal ibni, li jiena nissilt fil-ktajjen, għal
Oneżimu.
Xtaqt kieku żammejtu miegħi, biex, kif jien fil-ħabs għall-Evanġelju,
idur bija minflokok hu. Iżda ma ridt nagħmel xejn mingħajr ma
nara x’jidhirlek int, biex l-opra tajba tiegħek ma tkunx għamiltha
bilfors, imma tkun ħierġa mill-qalb.
Għandu mnejn li għalhekk hu telaq minn miegħek għal ftit, biex inti
terġa’ tiksbu lura għal dejjem, mhux iktar bħala lsir, imma xi ħaġa
iktar minn ilsir, bħala ħuk għażiż; għażiż fuq kollox għalija, imma
kemm iktar għalik, skont id-dinja u skont il-Mulej.
Int mela, jekk inti qalb waħda miegħi, ilqgħu bħallikieku kont jien!

Hallelujah. Rl. Hallelujah

Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, kotra kbira ta’ nies kienet miexja ma’ Ġesù. Hu dar
lejhom u qalilhom: «Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi
jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu,
’l ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu.
Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.
Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda
biex l-ewwel nett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex
iwassal sal-aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex
imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda
jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid: “Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux
il-ħila jkompli sal-aħħar.”
Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor,
ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef
raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? Għax inkella,
meta l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex
jitolbu l-ftehim għall-paċi.
Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu
kollu.»

Ikkummenta