It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on October 8, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Ewwel Qari

Nagħman raġa’ lura għand il-bniedem ta’ Alla u stqarr lill-Mulej.
Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, Nagħman, il-kmandant tal-eżerċtu tas-Sultan ta’
Aram, niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet, bħalma qallu
Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel
żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu.
U raġa’ lura għand Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu
miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: «Ara, issa naf, iva, li ma
hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan
ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek.» U qallu Eliżew: «Daqs kemm
hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma nieħu xejn.» U ma ħadhulux,
għad li l-ieħor issikkah ħafna.
Għalhekk Nagħman qallu: «La ma tridx, nitolbok li tingħata
lill-qaddej tiegħek tagħbija ta’ żewġ bgħula ħamrija; għax il-qaddej
tiegħek mhuwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat
oħra, jekk mhux lill-Mulej.»

Salm Responsorjali

Rl. : Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. Rl.
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. Rl.
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! Rl.

It-Tieni Qari

Jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu ma’ Kristu.
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, ftakar f’Ġesù Kristu,
li qam mill-imwiet,
li hu min-nisel ta’ David,
skont l-Evanġelju li ħabbart jien.
Għalih jien qiegħed inbati
sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt.
Imma l-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta!
Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta’ dawk li Alla
għażel, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni, li hi ta’ glorja għal
dejjem fi Kristu Ġesù.
Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha:
Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;
jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll;
jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll;
jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu;
għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.
Hallelujah. Rl. Hallelujah
Iżżu ħajr lil Alla f’kollox.
Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù.
Rl. Hallelujah
Evanġelju
Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla
ħlief dan il-barrani.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn
is-Samarija u l-Galilija.
Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda
bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu:
«Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!» Kif rahom, qalilhom:
«Morru uru rwieħkom lill-qassisin.» U ġara li, huma u sejrin, fiequ
mill-marda tagħhom.
Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar
lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan
kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: «Mhux l-għaxra fiequ
mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd
minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?»
Imbagħad qallu: «Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek.»

Ikkummenta