IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2016) JUM IL-MULEJ

Posted by on November 12, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2016) JUM IL-MULEJ

L-Ewwel Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija.  3, 19-20a

Ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u   l-jum li ġej għad jaħraqhom, jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa.  Imma għalikom li tibżgħu minn Ismi titla’ x-xemx tal-ġustizzja, bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha.

Salm Responsorjali

Ritornell:  Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-popli.

Salm 98

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa ta’ l-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan!

Ħa jriegħed il-baħar u kull ma fih,

id-dinja u kull ma jgħammar fiha.

Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,

u l-muntanji flimkien jgħajjtu bil-ferħ

quddiem il-Mulej, għax ġej

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa.

It-Tieni Qari

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  3, 7-12

Ħuti: Intom stess tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom;  il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b’xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom. Mxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu.  Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol.

Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; m’humiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh.

Evanġelju

Versett: Hallelujah.  Ibqa’ fidil sal-mewt, igħid il-Mulej, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja.  Hallelujah.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  21, 5-19

 F’dak iż-żmien : Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom:  “Kull ma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx.”

U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”  Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u, ‘Iż-żmien wasal.’ Tmorrux warajhom!  Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih.”

Mbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna,  l-art titheżheż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali ta’ l-għaġeb.  Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja  tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi.  Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda.

U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom,  għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.  U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom,  u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. [Lq:21:18] Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.  Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!

Ikkummenta