IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2016) IL-FIDI FIL-GENNA

L-Ewwel Qari

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Makkabej.  7, 1-2.  9-14

 

F’dak iż-żmien: Ġara li qabdu wkoll sebat aħwa u ‘l ommhom; u s-sultan beda biex jisfurzahom bid-daqqiet tas-swat u tan-nerv biex jieklu l-laħam tal-majjal li ma jiswiex.  Wieħed minnhom beda jitkellem f’isem l-oħrajn u qal: “X’int tfittex tistaqsi u trid taf minna? Aħna lesti mmutu, imma m’aħniex lesti niksru l-liġijiet ta’ missirijietna.”

 

Kif kien fl-aħħar nifs it-tieni wieħed qal lis-sultan: “Int, bniedem mill-agħar, int se ċċaħħadna mill-ħajja ta’ issa, imma s-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta’ dejjem, lilna li se mmutu għal-liġijiet tiegħu.”

 

Mbagħad wara dan bdew jittorturaw it-tielet wieħed u malli talbuh ħareġ minnufih ilsienu u bla biza’ ta’ xejn midd idejh u ta’ qalbieni li kien għajjat: “Mis-sema ksibthom dawn, u għal-liġijiet tiegħu jien nistmerrhom, għax mingħandu nittama li għad nerġa’ niksibhom.”  Saħansitra s-sultan u dawk ta’ madwaru stagħġbu bil-qawwa ta’ dan iż-żagħżugħ, kif l-uġigħ ma kien iqisu xejn.

 

Meta miet dan bdew jittorturaw u jbiċċru r-raba’ wieħed bl-istess mod.  Meta wasal fl-aħħar qal: “Aħjar li wieħed imut b’idejn il-bnedmin meta jkollu t-tama mingħand Alla li għad iqajjmu mill-ġdid. Imma għalik m’hemmx qawmien għall-ħajja.”

 

Salm Responsorjali

Ritornell: Meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

 

Salm 17

 

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,

ilqa’ l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi;

bla qerq huma xufftejja.

 

 

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,

qatt ma għotru riġlejja.

 Nsejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;

ressaq widintek lejja, isma’ kliemi.

 

Bħal ħabba ta’ l-għajn ħarisni,

għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni

jien, fil-ħaqq, għad nara ‘l wiċċek;

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

 

It-Tieni Qari

Qari mit-Tieni Ittra lit-Tessalonkin.  2, 16  –  3, 5

 

Ħuti: Sidna Ġesù Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta’ dejjem u t-tama sħiħa bil-grazzja,  jqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba.

  

Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom.  Itolbu biex inkunu meħlusa minn nies ħżiena u bla liġi. Għax mhux kulħadd għandu l-fidi iżda l-Mulej hu fidil; hu jwettaqkom u jħariskom mill-Ħażin.  Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u għad tagħmlu dak li ordnajnielkom.  Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta’ Alla u s-sabar ta’ Kristu.

 

Evanġelju

Versett:  Hallelujah.  Ishru,u itolbu l-ħin kollu, biex tieqfu bla biża’ quddiem Bin il-bniedem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  20, 27-38

 

F’dak iż-żmien: Resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh:  “Mgħallem,” qalulu,”Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’  Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal.  It-tieni wieħed,  u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal.  Fl-aħħar mietet  il-mara wkoll.  Issa din, fil-qawmien ta’ l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha.”  Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu;  imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu   mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu.  Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet.  U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh,  fir-rakkont tax-xitla ta’ l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb.  Issa hu m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.” 

 

About the author

Ikkummenta