IR-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2016-17) HA JQATTAR IS-SHAB LILL-MESSIJA !

Posted by on December 16, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

IR-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2016-17) HA JQATTAR IS-SHAB LILL-MESSIJA !

 

Qari I

Arawha, ix-xebba ssir omm.

Is 7, 10-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu: “Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet”. U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej”. U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David! Mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-El”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

 

R/. (7c.10b): Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha,

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

 

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja,

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

 

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;

li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

 

Qari II

Ġesù Kristu, min-nisel ta’ David, u Iben ta’ Alla.

Rum 1, 1-7

 

Bidu tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla. Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David, u, skond l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet. Bih aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta’ ismu. Fosthom tinsabu intom ukoll, imsejħin biex tkunu ta’ Ġesù Kristu; lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu Ruma msejħin biex ikunu qaddisin: grazzja ilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 1, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,

u jsemmuh Għimmanu-El: “Alla magħna”.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David.

Mt 1, 18-24

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta