IT-TIENI HADD TAL-AVVENT (2016-17) JAQBLILNA NIEHDU S-SALVAZZJONI BIS-SERJETA`

Posted by on December 3, 2016 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

IT-TIENI HADD TAL-AVVENT (2016-17) JAQBLILNA NIEHDU S-SALVAZZJONI BIS-SERJETA`

L-Ewwel Qari

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  11, 1-10

 

Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse,

għad tinbet rimja minn għeruqu:

fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej,

l-ispirtu ta’ l-għerf u  d-dehen,

l-ispirtu ta’ l-għaqal u l-qawwa,

l-ispirtu ta’ l-għerf u l-biża’ tal-Mulej,

u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej.

 

Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn,

u ma jagħtix sentenza skond ma jisma’,

iżda jiġġudika l-imsejknin skond il-ġustizzja,

u jagħti sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin ta’ l-art.

 

Isawwat il-kiefra bix-xettru ta’ fommu,

u b’nifs xufftejh joqtol lill-ħażin.

Il-ħżiem ta’ ġenbejh tkun il-ġustizzja,

u l-fedeltà l-ħżiem ta’ qaddu.

Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf,

il-leopard mal-gidi,

u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun,

daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom.

 

Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien,

u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu.

L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben.

It-tarbija tal-ħalib

titliegħeb fil-ħofra tas-serp;

u t-tifel miftum

idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.

 

Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara

fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi,

għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej

bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.

 

Mbagħad jiġri f’dak il-jum

li l-għerq ta’ Ġesse jieqaf

bħala sinjal  għall-popli.

Lilu jfittxu l-ġnus,

u l-għamara tiegħu tkun imsebbħa.

 

Salm Responsorjali

 

Ritornell : Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.

 

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar,

u mix-Xmara sa truf l-art.

 

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,

u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;

il-ħajja tal-fqajrin isalva.

 

Ismu jibqa’ jissemma għal dejjem;

idum ismu sakemm iddum ix-xemx!

Bih jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art;

il-popli kollha jsejjħulu hieni.

 

It-Tieni Qari

 

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  15, 4-9

 

Ħuti: Kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex is-sabar u bil-faraġ li tagħtina  l-Iskrittura, aħna jkollna tama. Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesù, biex b’fomm wieħed u b’qalb waħda tfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu.

  

Għalhekk ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għall-glorja ta’ Alla. Jiena ngħidilkom li Kristu sar qaddej  tal-Lhud ċirkonċiżi minħabba l-fedeltà ta’ Alla, biex iseħħu l-wegħdiet li għamel lill-Patrijarki, u biex il-pagani wkoll ifaħħru lil Alla minħabba l-ħniena tiegħu bħalma hu miktub: “Għalhekk  jien  nfaħħrek  fost  il-ġnus  u  ngħanni tifħir ismek.

 

Evanġelju

 

Ritornell: Hallelujah.  Hejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogġdijiet tiegħu: u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla. Hallelujah.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  3, 1-12

 

F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet’. Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

 

                            ‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

                             Ħejju t-triq tal-Mulej,

                             iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’

 

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom. 

 

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq ta’ l-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma   għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”

Ikkummenta