Tasal fi Tmiem Sena ta’ Restawr

Posted by on March 19, 2017 in Featured Article, Uncategorized | 0 comments

Tasal fi Tmiem Sena ta’ Restawr

Fi ftit jiem oħra ser jasal fi tmiemu r-restawr li għaddej fuq il-Ġirandola (mit-Taljan Girandola) jew kif aktar isibuha n-nies Ġilandra.  Il-Ġilandra fil-knisja parrokjali ta’ San Ġiljan, tintrama’ f’Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira biex iżejjen l-altar tar-repożizzjoni fil-Knisja Parrokkjali (kif jidher fir-ritratt fuq).

Din il-Ġilandra kellha bżonn kbir ta’ restawr.  Kemm ilu li ġie Dun Claude Portelli fil-parroċċa tagħna ħa diversi inizjattivi biex jirrestawra dak li ħallew missirijietna.  Issa kien imiss propju l-Ġirandola.  Spiża enormi minħabba kemm il-ħsarat li kien fiha u anke l-kobor tagħha.

Barra minn hekk, Dun Claude laqa’ t-talba ta’ wħud biex jinstab post xieraq fejn din il-Ġilandra tiġi merfugħa matul is-sena mingħajr ma ssirilha ħsara.  Għalhekk huwa ħa ħsieb jordna vetrina kbira li ser tkun fis-sagristija.  Hawn ser tkun tista’ titgawda matul is-sena kollha.

Ix-xogħol kollu tar-restawr jinsab f’idejn id-ditta PREVARTI. Bicca xogħol enormi fejn anke saru xi partijiet ġodda peress li kienu miksurin.  Minn hawn ngħidu grazzi lil Pierre u lit-tim kollu tiegħu.

L-ispiża għar-restawr u l-vetrina ser tkun madwar it- € 8,000.  Spiza mhux żgħira imma li bl-għajnuna ta’ kulħadd tista tintlaħaq.  Sa issa għadu ma nġabar xejn għal dan il-proġett.  Nappellaw għall-ġenerożita’ ta’ dawk li jħossuhom parti mill-parroċċa Ġiljaniża.  Kull għajnuna tgħodd – żgħira kemm hi zgħira.  Kull min jixtieq jagħti donazzjoni għandu jkellem lill-kappillan Dun Claude Portelli.

Ftit tagħrif miġbur min-Niki Papagiorcopulo dwar din il-Ġirandola:   Din hija biċċa xogħol ta’ skultura fl-injam, indurat bid-deheb. Fuq wara nsibu skrizzjoni li taqra hekk:

HAEC AEDICVULA COEPTA ET PERFECTA EST AERE COLLATICIO IOSEPHO XERRIO CVRIONE IOSEPHO MANICOLO AVCTORIBUS 1893

li tfisser:

(Din l-opra kienet mibdija, kompluta u mħallsa mill-ġbir tas-Saċerdot Ġużeppi Xerri u nħadmet minn Ġużeppi Manicolo fl-1893).

Ġirandola hija speċi ta’ tabernaklu/tron kbir fejn ikun espost Ġesù Ewkaristija għall-adorazzjoni tal-fidili. L-isem ‘ġirandola’ jalludi għall-fatt li l-bieba ta’ dan it-tabernaklu ddur dawra mejt. Din il-ġirandola kienet tintrama fuq l-altar il-maġġur tal-Knisja Parrokkjali l-Antika għas-Solennità ta’ Corpus Domini. Illum tintuża biex iżżejjen l-altar tar-repożizzjoni nhar Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira fil-Knisja Parrokkjali.

 

 

 

This slideshow requires JavaScript.

 

 

 

 

Ikkummenta