Messaġġ mill-Kappillan Dun Claude Portelli

Posted by on April 1, 2017 in Messaġġ tal-Kappillan | 1 comment

Messaġġ mill-Kappillan Dun Claude Portelli

Misteru Kbir tal-Imħabba t’Alla

Ejjew nieqfu quddiem il-qabar vojt ta’ Ġesù u nimmeditaw bi stgħaġib u gratitudni l-misteru kbir     tal-qawmien tal-Mulej.

Il-ħajja għelbet il-mewt.  Il-ħniena u l-imħabba għelbu d-dnub!  Hemm bżonn il-fidi u t-tama biex ninfetħu għal dan ix-xefaq ġdid u meraviljuż.  U aħna nafu li l-fidi u t-tama huma rigal ta’ Alla, u għandna nitolbuh: “Mulej, agħtini l-fidi, agħtini t-tama. Neħtiġuhom ħafna.”  Inħallu l-emozzjonijiet li jidwu fis-sekwenza tal-Għid jinvaduna: «Iva, aħna ċerti minn dan: Kristu qam tassew».  Il-Mulej qam fostna.  Din il-verità mmarkat b’mod li ma jitħassarx il-ħajja tal-Appostli li, wara l-qawmien, ħassew mill-ġdid il-bżonn li jimxu wara l-Imgħallem tagħhom u, wara li rċevew l-Ispirtu s-Santu, marru mingħajr biża’ jħabbru lil kulħadd dak li kienu raw b’għajnejhom u dak li kienu ħassew personalment.

Aħna msejħin biex insibu mill-ġdid u nilqgħu b’intensità partikolari l-aħbar li tfarraġ tal-qawmien: «Kristu, tama tiegħi, qam»  Jekk Kristu qam, nistgħu nħarsu lejn kull ma’ jiġri f’ħajjitna, anki dak li jkun negattiv, b’għajnejn u qalb ġodda.  Il-waqtiet tad-dlam, ta’ falliment u anki tad-dnub jistgħu jinbidlu u jħabbru triq ġdida.  Meta nkunu missejna l-qiegħ tal-miżerja u tad-dgħufija tagħna, Kristu Rxoxt itina l-qawwa biex nerġgħu nqumu.  Jekk nintelqu f’idejh, il-grazzja tiegħu ssalvana.  Il-Mulej imsallab u mqajjem hu r-rivelazzjoni sħiħa tal-ħniena, preżenti u taħdem fl-istorja.  Dan hu l-messaġġ tal-Għid li jidwi u għad jibqa’ jidwi tul iż-żmien kollu tal-Għid sal-Pentekoste.

Xhud sieket tal-avvenimenti tal-passjoni u tal-qawmien ta’ Ġesù kienet Marija.  Hi kienet wieqfa taħt is-salib: ma għotritx quddiem in-niket, imma l-fidi tagħha saħħitha.  Fil-qalb imċarrta tagħha ta’ omm, dejjem baqgħet mixgħula l-fjamma tat-tama.  Nitolbuha tgħinna biex anki aħna nilqgħu bis-sħiħ it-tħabbira tal-qawmien, ħalli ninkarnawha fil-konkretezza tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Jalla l-Verġni Marija ttina ċ-ċertezza tal-fidi (biex nifhmu) li kull pass iebes tal-mixja tagħna, imdawwal mid-dawl tal-Għid, isir barka u ferħ għalina u għall-oħrajn, speċjalment għal dawk li jbatu minħabba l-egoiżmu u l-indifferenza.

Nawgura lil kull familja tal-parroċċa Għid Qaddis imfawwar bil-ferħ tal-Mulej Irxoxt.

 

Fr Claude

1 Comment

  1. I like your homilies during Saturday evening mass.To the point and something to think about.

Ikkummenta