Ittra Pastorali tal-Isqfijiet Maltin

Posted by on May 14, 2017 in Featured Article | 0 comments

Ittra Pastorali tal-Isqfijiet Maltin

Is-Sibt, 13 ta’ Mejju 2017 kienet publikata l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet Maltin għall-Elezzjoni Generali 2017; Nerfgu r-responsabiltajiet tagħna.

L-Elezzjoni Ġenerali hi ġrajja importanti ħafna fil-ħajja tas-soċjetà Maltija. Se nagħżlu lil min se nafdaw it-tmexxija ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin. Din hi responsabbiltà serja fuq spallejna li titlob minna li nippreparaw ruħna sew ħalli nagħmlu deċiżjoni infurmata.

Hi responsabbiltà li titlob minna li nivvutaw skont il-kuxjenza, li tfisser li quddiem Alla nagħrfu dak li hu veru u xieraq, u nagħżlu dak li hu tassew għall-ġid komuni u għal soċjetà ġusta. Il-vot tagħna hu tweġiba għad-domanda: x’tip ta’ soċjetà rridu għalina lkoll u għall-ġenerazzjonijiet futuri?

Hi responsabbiltà li titlob minna li nagħżlu persuni ta’ għaqal u integrità, li jgħożżu u jħaddnu l-valuri etiċi li nemmnu fihom. Ewlieni fosthom hu l-valur tal- ħarsien tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat tmiem naturali tagħha, u tar-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem.

Inħeġġu lil kulħadd biex naqdu dmirna b’responsabbiltà, u nitolbu d-dawl u l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu ħalli nagħmlu d-deċiżjoni t-tajba.

Nitolbu biex fi kliemna u għemilna nkunu mmexxija dejjem bi spirtu ta’ djalogu, ta’ rispett kbir lejn il-verità u lejn xulxin, ukoll lejn min jaħsibha differenti minna.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

✠ Charles J. Scicluna,Arċisqof ta’ Malta

✠ Mario Grech,Isqof ta’ Għawdex

Ikkummenta