29 ta’ Ġunju San Pietru u San Pawl, Appostli Solennità

Posted by on June 28, 2017 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

29 ta’ Ġunju  San Pietru u San Pawl, Appostli  Solennità

 

Qari I

Atti 12:1-11

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Għall-ħabta ta’ dak iż-żmien, is-sultan Erodi qatagħha li jaħbat għal xi wħud minn ħdan il-Knisja. Qatel ’il Ġakbu, ħu Ġwanni, bis-sejf. Imbagħad, billi ra li din il-ħaġa għoġbot lil-Lhud, qatagħha li jaqbad ’il Pietru wkoll. Dan kien f’jiem l-Ażżmi. Meta arrestah u tefgħu l-ħabs, qiegħed għassa miegħu erba’ għaqdiet ta’ suldati ta’ erbgħa kull waħda, bil-ħsieb li, wara l-Għid, iressqu quddiem il-poplu.

 

Pietru, mela, kien arrestat fil-ħabs, bil-għassa miegħu. Fl-istess ħin, il-Knisja kienet qiegħda titlob ’l Alla għalih bil-ħeġġa. Fil-lejl stess ta’ qabel ma Erodi kellu joħroġ ’il Pietru, dan kien rieqed bejn żewġ suldati, marbut b’żewġ ktajjen, waqt li xi għassiesa kienu għassa mal-bieb tal-ħabs. F’daqqa waħda ġie hemm anġlu tal-Mulej, u dawl idda mal-kamra. L-anġlu ta lil Pietru daqqa fuq ġenbu, qajmu u qallu: “Qum malajr.” Il-ktajjen waqgħu minn ma’ idejh. Imbagħad l-anġlu qallu: “Dawwar il-mantar miegħek u imxi warajja.” Pietru ħareġ u mexa warajh, bla ma ntebah li dak li kien qiegħed jiġri permezz tal-anġlu kien tassew; ħaseb li kienet xi ħolma.

 

Għaddew l-ewwel għassa, u t-tieni waħda wkoll, u waslu ħdejn il-bieb tal-ħadid li kien jagħti għall-belt; u dan infetah waħdu. Ħarġu, u mxew tul it-triq. F’daqqa waħda l-anġlu telaq minn ħdejh. Imbagħad Pietru ġie f’tiegħu, u qal: “Issa qiegħed ninduna, tabilħaqq, li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn id Erodi u minn dak kollu li l-Lhud kienu qegħdin jistennew li jsir.”

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 33, 2-9

 

R/. Dawk li jibżgħu mill-Mulej, l-anġlu tiegħu jeħlishom!

 

Kull ħin inbierek ’il-Mulej,

tifħiru dejjem f’fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi,

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

 

Kabbru ’l-Mulej miegħi,

u ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

u minn kull biża’ ħelisni. R/.

 

Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,

u wiċċkom ma jistħix.

Dan il-fqajjar sejjaħ il-Mulej, u semgħu,

u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu. R/.

 

L-anġlu tal-Mulej jgħammar madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.  Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej,

hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.

 

Qari II

Tim 4:6-8. 17-18

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż: Jiena ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.

 

Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu bix-xewqa tad-dehra tiegħu. Il-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex, bis-saħħa tiegħi, il-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien inħlist minn ħalq l-iljun. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Mt 16:18

 

Hallelujah. Hallelujah.

Inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi,

u l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex.

Hallelujah.

 

Evanġelju

Mt 16:13-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien: Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” “Imma intom,” qalilhom, “intom min tgħidu li jien?” U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla ħaj.” U wieġbu Ġesù u qallu: “Imbierek int, Xmun, bin Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm urewk min jien, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U min-naħa tiegħi ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi, u l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex. Lilek nagħtik l-imfietah tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.

Ikkummenta