It-Trinità Qaddisa – Solennità

Posted by on June 9, 2017 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Trinità Qaddisa  – Solennità

Il-Ħadd wara Għid il-Ħamsin

 

Qari I

Il-Mulej hu Alla li jagħder u jħenn.

Eż 34, 4b-6.8-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, Mosè qam filgħodu kmieni, u tala’ fuq il-muntanja tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh iż-żewġ twavel tal-ġebel. Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u fil-fedeltà”.

Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal: “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunitna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Dan 3, 52.53.54.55.56

 

R/. (52b): Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna. R/.

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ. R/.

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek. R/.

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li ħarstek tinfed l-abbissi. R/.

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. R/.

Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema. R/.

 

Qari II

Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu.

2 Kor 13, 11-13

Għeluq tat-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom. Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa. Il-qaddisin kollha jsellmulkom. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah. R/. Hallelujah

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,

lil Alla li hu, u li kien, u li għad irid jiġi.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.

Ġw 3, 16-18

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu:  “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta