FESTA TA’ SAN ĠILJAN – QUDDIESA TAL-FESTA

Posted by on August 26, 2017 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

FESTA TA’ SAN ĠILJAN – QUDDIESA TAL-FESTA

I QARI

Qari mill-Ktieb ta’ Tobit.

Tob 12, 6-13 (Vg)

F’dak iż-żmien: l-anġlu qal lil Tobit u lil ibnu: “Bierku lil Alla tas-sema, u roddulu ħajr quddiem il-ħlejjaq kollha, għax wera magħkom il-ħniena tiegħu.  Ħaġa sabiħa żżomm moħbi s-sigriet ta’ sultan, imma jagħmlilkom gieħ turu l-egħmil ta’ Alla u tistqarruh.  Tajjeb hu t-talb mas-sawm;  u l-karità hi aħjar milli taħżen id-deheb. Għax il-karità teħles mill-mewt u tnaddaf mid-dnubiet, u hi mezz biex wieħed isib il-ħniena u l-ħajja ta’ dejjem.  Iżda l-midinbin u dawk li jagħmlu d-deni huma egħdewwa tagħhom infushom.  Ħa nurikom is-sewwa kollu;  ma jien se naħbilkom xejn.  Meta int kont titlob bid-dmugħ f’għajnejk u tidfen il-mejtin, meta kont tħalli l-ikel fuq il-mejda u tmur taħbi l-mejtin f’darek bin-nhar biex tidfinhom bil-lejl, jien ressaqt it-talb tiegħek quddiem il-Mulej.  U billi int għoġobt lil Alla, kien meħtieġ li tkun imġarrab.”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI

Salm 102.1-4. 8-9. 13-14. 17-18a

 

R/. Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.            

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.    R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha,

li jfejjaq il-mard tiegħek kollu,

li jifdi ‘l ħajtek mill-ħofra,

li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena.    R/.

 

Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu mogħdrija;

mhuwiex dejjem jitlewwem,

anqas dejjem jinkorla.    R/.

 

Bħalma missier iħenn għal uliedu,

hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu,

għax hu jaf mniex aħna magħġuna,

jiftakar li aħna trab.    R/.

 

Il-ħniena tal-Mulej minn dejjem sa dejjem

ma’ dawk li għandhom il-biza’ tiegħu,

u l-ħaqq tiegħu ma’ wlied uliedhom,

ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu.        R/.

II QARI

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu.

Ġw 4, 7–16

Għeżież, ejjew inħobbu ‘l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna  ‘l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna. Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin. Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu ‘l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. B’hekk nafu li aħna ngħammru fih u Hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu. Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu  s-Salvatur tad-dinja. Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla. U aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha. Alla hu mħabba, u min igħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih.

Il-Kelma tal-Mulej.

HALLELUJAH

Ġw 13, 34

V/.    Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej,

Li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.

 

VANĠELU

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.

Mt 25,31-46

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’

Mbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! Mbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?’ Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’ U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.

Talbiet tal-Ġemgħa

Aħna u nagħtu ġieħ lil Alla għall-għeġubijiet ta’ mħabba li wriena permezz ta’ San Ġiljan, nitolbuh il-grazzja li nitgħallmu minnu kif nuru mħabba ma’ ħutna fil-bżonn biex miegħu, meta jasal il-waqt, niksbu l-glorja ta’ dejjem.

 

Missier Qaddis, imla lill-Papa Franġisku, lill-Arċisqof tagħna Charles, lill-isqfijiet u s-saċerdoti kollha bl-imħabba u l-ħeġġa sabiex qalbhom tkun dejjem iktar tixbah lil dik ta’ Ibnek Ġesù.

Nitolbuk, Mulej, għall-Kummissjonijiet u l-Għaqdiet kollha li jiffurmaw il-parroċċa tagħna sabiex, fi spirtu ta’ aħwa, ifittxu li l-ħidma tagħhom tkun għall-ġid tal-komunità u għall-glorja tiegħek.

Ħallieq ta’ kollox, itfa’ ħarstek fuq iż-żgħażagħ tagħna sabiex jagħrfu dejjem iżjed jiftħu qalbhom għalik u jħallu lilek tmexxi l-ħajja tagħhom.

Missier Ħanin, nitolbuk għall-familji kollha tal-parroċċa tagħna; seddaq fihom l-imħabba u l-għaqda, u agħmilhom xhieda ħajja tal-valuri tal-Evanġelju.

Alla ta’ kull faraġ, nitolbuk għal qrabatna, benefatturi u persuni oħra li kienu jagħtu sehemhom fil-parroċċa u li ħallew din il-ħajja: ilqagħhom fis-saltna tiegħek tas-sema.

Ilqa’, nitolbuk, Mulej, dawn it-talbiet tagħna u agħmel li, fuq l-eżempju ta’ San Ġiljan, inwettqu l-għemejjel tajba li inti tħejji għalina u nagħrfu nkunu dixxipli tiegħek fl-imħabba tagħna lejn l-aħwa kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Ikkummenta