Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on September 24, 2017 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Il-fehmiet tiegħi ma humiex fehmietkom.

Is 55, 6-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,

sejħulu sakemm hu fil-qrib!

Ħa jħalli triqtu l-midneb,

u l-bniedem il-ħażin fehmietu;

ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,

għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.

Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom,

u t-triqat tiegħi m’humiex triqatkom. Oraklu tal-Mulej.

Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,

daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,

u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 2-3.8-9.17-18

 

R/. (18a): Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu

 

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,

bla tarf il-kobor tiegħu. R/.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba,

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel. R/.

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

 

Qari II

Għalija l-ħajja hi Kristu.

Fil 1, 20c-24.27a

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut. Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X’naqbad nagħmel ma nafx; ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija; min-naħa l-oħra, jekk nibqa’ ngħix fil-ġisem, ikun ħafna aħjar għalikom. Ħaġa waħda ngħidilkom: ġibu ruħkom kif jixraq lill-Evanġelju ta’ Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Atti 16, 14b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Mulej iftħilna qalbna

biex nifhmu l-kliem ta’ Ibnek Ġesù Kristu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?

Mt 20, 1-16

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru.

 

Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-

ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.

 

Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”.

 

Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta