Tinġis, Skart u Kultura tar-Rimi

Posted by on October 15, 2017 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Tinġis, Skart u Kultura tar-Rimi

Dan ix-xahar t’Ottubru li fil-bidu tiegħu niċċelebraw lil San Franġisk t’Assisi,, xtaqt naqsam ftit ħsibijiet mill-Enċiklika tal-Papa Franġisku, Laudato Si. Il-Papa Franġisku jitkellem dwar il-kultura tal-iskart u r-rimi li lkoll nafu ħakmet is-soċjeta tagħna u b’xi mod lanqas biss qed nintebħu kif tlifna l-kontroll tagħha wkoll.

Il-Papa Franġisku jgħidilna f’paragrafi 20-22 li jeżistu għamliet ta’ tinġis li lin-nies qed jolqtuhom ta’ kuljum.  Meta wieħed hu espost għal tinġis fl-atmosfera, is-saħħa tiegħu hi milquta b’bosta modi, u dan iseħħ b’mod partikulari fil-każ ta’ dawk li huma l-iktar foqra, u jwassal għal miljuni ta’ mwiet bikrija.  Ngħidu aħna, wieħed jimrad għax jibla’ man-nifs kwantitajiet għolja ta’ duħħan minn karburanti li nużaw biex insajru jew biex nisħnu.  Ma’ dan inżidu t-tinġis li jolqot lil kulħadd, ikkawżat mit-trasport, mid-dħaħen tal-fabbriki, mir-rimi ta’ sustanzi li jarmu l-aċtu fil-ħamrija u l-ilma, mill-fertilizzanti, insettiċidi, fungiċidi, erbiċidi u pestiċidi ġeneralment velenużi.  It-teknoloġija li, marbuta mal-interessi finanzjarji, tippretendi li hi s-soluzzjoni waħdanija għall-problemi, fil-fatt mhix kapaċi tilmaħ il-misteru tal-għadd ta’ relazzjonijiet li jeżistu bejn l-affarijiet, u minħabba f’hekk xi kultant tħoll problema u toħloq oħra ġdida.

Il-Papa Franġisku jkompli jgħid li ta’ min iqis ukoll it-tinġis mill-iskart, inkluż dak perikuluż li nsibu f’diversi ambjenti.  Kull sena jinħolqu mijiet ta’ tunnellati ta’ skart, ħafna minnu mhux bijodegradabbli: skart domestiku u kummerċjali, skart tal-kostruzzjoni, skart kliniku, elettroniku jew industrijali, skart velenuż u radjuattiv ħafna.  Id-dinja, id-dar tagħna, donnha qed tinbidel dejjem iżjed f’depożitu kbir ta’ żibel.  F’ħafna nħawi tal-pjaneta, l-anzjani jiftakru b’nostalġija l-pajsaġġi ta’ dari, li issa jidhru mirduma taħt imniezel ta’ żibel mixħut ’l hawn u ’l hinn.  Kemm l-iskart industrijali u kemm il-prodotti kimiċi użati fl-ibliet u fl-għelieqi, jistgħu jipproduċu effett ta’ ‘bijoakkumulazzjoni’ fl-organiżmi ta’ dawk li jgħixu fl-inħawi tal-madwar, li tinħass anki meta l-livell ta’ preżenza ta’ element tossiku f’dak il-post hu baxx.  Ħafna drabi jittieħdu miżuri biss meta jkunu diġà dehru effetti irriversibbli għas-saħħa tal-persuni.

Dawn il-problemi, skont Papa Franġisku, huma marbuta bil-kbir mal-kultura tar-rimi, li tolqot lill-persuni mwarrba bħalma tolqot lill-oġġetti li f’qasir żmien jinbidlu f’żibel.  Ngħidu aħna, sewwa nintebħu li l-parti l-kbira tal-karta li tinħadem qed tintrema bla ma tiġi rriċiklata.  Donna nsibuha bi tqila nifhmu li l-mod kif jaħdmu l-ekosistemi naturali għandu jservi ta’ xempju għalina: il-pjanti jissintetizzaw sustanzi nutrittivi li fuqhom jgħixu l-erbivori; dawn min-naħa tagħhom jgħajxu lill-karnivori, li jfornu kwantitajiet importanti ta’ rimi organiku, li mbagħad jagħtu lok għal ġenerazzjoni ġdida ta’ pjanti.  Għall-kuntrarju, is-sistema industrijali, fit-tarf taċ-ċiklu ta’ produzzjoni u ta’ konsum, ma żviluppatx il-ħila li tassorbixxi u tutilizza mill-ġdid l-iskart u l-prodotti sekondarji.  Għadu ma rnexxilniex nadottaw mudell ċirkulari ta’ produzzjoni li jiżgura riżorsi għal kulħadd u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, u li jitlob minna li nillimitaw kemm nistgħu l-użu tar-riżorsi mhux rinnovabbli, nimmoderaw il-konsum, u nżidu l-użu effiċjenti, l-użu mill-ġdid u r-riċiklar.  Jekk naffrontaw din il-kwistjoni, inkunu nsibu mod kif neħduha kontra l-kultura tal-iskart li qed tispiċċa tagħmel ħsara lill-pjaneta kollha kemm hi, imma nosservaw li l-progress f’din id-direzzjoni għadu skars ħafna.

Fr Claude

Ikkummenta