Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda

Posted by on November 1, 2017 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda

Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, jagħtina li mmissu b’idejna l-ħniena ta’ Alla għall-bniedem.  Fl-imgħoddi kien jissejjaħ “L-Aħħar Dilka”, għax konna nħarsu lejh bħala faraġ spiritwali għal min kien wasal biex imut.  Jekk min-naħa l-oħra nitkellmu dwar “Dilka tal-Morda”, dan jgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla.

 

  1. Hemm ikona Biblika li tesprimi fil-profondità kollha tiegħu l-misteru li joħroġ fid-Dilka tal-Morda: din hi l-parabbola tas-“Samaritan it-tajjeb”, fil-Vanġelu ta’ Luqa (10:30-35).  Kull darba li niċċelebraw dan is-sagrament, il-Mulej Ġesù, fil-persuna tas-saċerdot, joqrob lejn min ikun qed ibati u hu marid serjament, jew anzjan.  Il-parabbola tgħid li s-Samaritan it-tajjeb ħa ħsieb ta’ dak ir-raġel batut billi diliklu l-ġrieħi tiegħu biż-żejt u l-inbid.  Iż-żejt ifakkarna f’dak li jiġi mbierek mill-Isqof kull sena, fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut nhar Ħamis ix-Xirka, sewwa sew fid-dawl tad-Dilka tal-Morda.  L-inbid, min-naħa l-oħra, hu sinjal ta’ l-imħabba u tal-grazzja ta’ Kristu li joħorġu mid-don ta’ ħajtu għalina u jesprimu ruħhom fl-għana kollu tagħhom fil-ħajja sagramentali tal-Knisja.  Fl-aħħar nett, il-persuna batuta tiġi fdata f’idejn tal-lukanda, biex jista’ jkompli jieħu ħsiebha, mingħajr ma joqgħod jagħti kas ta’ l-ispejjeż.  Issa min hu dan tal-lukanda?  Hi l-Knisja, il-komunità Nisranija, aħna, li lilna l-lum il-Mulej Ġesù qed jafdalna lil dawk kollha li huma mħabbtin, fil-ġisem u fir-ruħ, biex nistgħu nkomplu nsawbu fuqhom bla heda l-ħniena u s-salvazzjoni tiegħu.

 

  1. Dan il-mandat hu mtenni b’mod espliċitu u preċiż fl-Ittra ta’ Ġakbu, fejn jirrikkmanda: “Hemm xi ħadd marid fostkom?  Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej; it-talba tal-fidi ssalva lill-marid, u l-Mulej iqajmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu” (5:14-15).  Mela din hi prassi li diġà kienet b’saħħitha fi żmien l-Appostli.  Fil-fatt Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex juru l-istess għożża għall-morda u l-batuti u tahom il-ħila u l-missjoni li f’ismu u skond is-sentimenti ta’ qalbu jkomplu jxerrdu s-serħan u l-paċi, permezz tal-grazzja speċjali ta’ dan is-sagrament.  Imma dan ma jridx jintilef fit-tiftixa ossessiva tal-miraklu jew fil-preżunzjoni li jista’ dejjem u f’kull każ jikseb il-fejqan.  Imma hu jiżgura lil min hu marid li Ġesù hu qrib tiegħu, u anki lill-anzjan, għax kull anzjan, kull persuna ta’ fuq 65 sena, tista’ tirċievi dan is-sagrament, li permezz tiegħu Ġesù nnifsu hu li joqrob lejna.

 

Imma meta jkun hemm xi marid, xi drabi jgħaddilna minn moħħna l-ħsieb: “Inċemplu lis-saċerdot biex jiġi”; “Le, għax imbagħad il-marid jitwerwer”.  Għaliex naħsbu hekk?  Għax xi ftit jew wisq hemm l-idea li wara s-saċerdot imbagħad jasal il-funeral.  U dan m’hux dejjem minnu.  Is-saċerdot jiġi biex jgħin lill-marid jew l-anzjan; għalhekk hi tant importanti ż-żjara tas-saċerdoti lill-morda.  Hemm bżonn li nsejħu s-saċerdot qrib il-marid u ngħidulu: “Ejja agħtih id-dilka, u bierku”.  Hu Ġesù nnifsu li jiġi biex iserraħ lill-marid, biex isaħħu, biex jagħtih it-tama, biex jgħinu; u anki biex jaħfirlu dnubietu.  U din hi xi ħaġa tassew sabiħa!  U m’għandniex noqogħdu naħsbu li dan hu xi tabù, għax dejjem hi ħaġa sabiħa nkunu nafu li fil-waqt tat-tbatija u tal-mard aħna m’aħniex waħidna: is-saċerdot u dawk li jkunu preżenti waqt id-Dilka tal-Morda fil-fatt jirrappreżentaw lill-komunità Nisranija kollha li, bħal ġisem wieħed, tinġabar madwar min qed ibati u l-familjari tiegħu, twettaqhom fil-fidi u fit-tama, u tweżinhom bit-talb u bl-imħabba fraterna.  Imma l-akbar faraġ jiġi mill-fatt li f’dan is-sagrament hu preżenti l-Mulej Ġesù nnifsu, li jaqbdilna jdejna, iżiegħel bina kif għamel mal-morda, u jfakkarna li issa aħna tiegħu u li xejn – lanqas id-deni u l-mewt – ma jista’ qatt jifridna minnU.

Ikkummenta