Messaġġ mill-kappillan Dun Claude Portelli

Posted by on January 3, 2018 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Messaġġ mill-kappillan Dun Claude Portelli
Spread the love

 

Marija Omm Alla, Sultana tal-Paċi

Fil-jiem li għaddew tal-Milied il-ħarsa ta’ adorazzjoni tagħna kienet fuq Iben Alla, imwieled f’Betlem: fil-bidu tas-sena ġdida nibdewha bis-Solennità ta’ Marija Santissma Omm Alla, indawru għajnejna lejn l-Omm, imma fl-istess ħin nikkuntemplaw ir-rabta sfieqa li hemm bejniethom.  Dir-rabta ma tieqafx biss mal-fatt li hi nisslet u li ġie mnissel: Ġesù «twieled minn mara» (Gal. 4,4), għall-missjoni tas-salvazzjoni u ommu mhix maqtugħa barra minn dil-missjoni, anzi hi assoċjata intimament.  Marija tagħraf dan, għalhekk ma tingħalaqx fiha nfisha u tieqaf filli tikkunsidra biss ir-relazzjoni materna ma’ Ġesù, imma tibqa’ miftuħa u mimlija premura lejn l-avvenimenti kollha li jiġrulu: iżżomm u timmedita, tgħarrex u tidħol fil-fond kif ifakkarna l-Evanġelju (cfr Luqa 2, 19).  Diġa qalet l-iva tagħha u wriet li hi disponibbli li titwaħħad mat-twettiq tal-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla li «xerred l-imkabbra f’qalbhom, niżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, għolla liċ-ċkejknin, temgħa ‘l min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħthom ‘il barra b’xejn» (Luqa 1, 51-53).  Issa, siekta u attenta, tipprova tifhem x’irid Alla minnha jum wara l-ieħor.

Iż-żjara tar-rgħajja toffrilha l-okkażjoni biex tifhem xi ħaġa mill-volontà ta’ Alla li juri ruħu fil-preżenza ta’ dawn in-nies umli u foqra.  L-evanġelista Luqa jirrakuntalna ż-żjara tar-rgħajja b’sensiela insistenti ta’ verbi li jesprimu moviment.  Jgħid hekk: huma marru minnufih, sabu lit-tarbija ma’ Marija u Ġużeppi, rawh, irrakkuntaw dak li kien intqalilhom u fl-aħħar ifaħħru ‘l Alla (cfr Luqa 2, 16-20).  Marija ssegwi dal-passaġġ bl-attenzjoni, dak li jgħidu r-rgħajja, x’kien ġralhom, għax diġà qed tara fih il-moviment tas-salvazzjoni li għad jinbet mill-opra ta’ Ġesù u taddatta ruħha, lesta għal kull ma’ jitlob minnha l-Mulej.  Lil Marija, Alla ma jitlobhiex biss li tkun omm Ibnu l-waħdieni imma wkoll biex tikkopera miegħu fil-pjan tas-salvazzjoni, sabiex fiha, qaddejja umli, isibu l-milja tagħhom  l-opri l-kbar tal-ħniena divina.

U hekkhu, aħna u nikkuntemplaw bħalma għamlu r-rgħajja, l-ikona tal-Bambin f’dirgħajn Ommu, inħossu joktor fi qlubna sens ta’ rikonoxxenza immensa lejn Dik li tat lid-dinja s-Salvatur.  Għalhekk, fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida ngħidulha:

Grazzi, O Omm Qaddisa tal-Iben t’Alla, Ġesù, Omm qaddisa ta’ Alla!  Grazzi għall-umiltà tiegħek li ġibdet fuqha l-ħarsa t’Alla’ grazzi għall-fidi li biha lqajt Kelmtu.  Grazzi għall-kuraġġ li bih għidt «hawn jien», insejt lilek innifsek għax imsaħħra mill-Imħabba Qaddisa, magħquda ħaġa waħda mat-tama tiegħu.  Grazzi, O Omm Qaddisa ta’ Alla!  Itlob għalina, pellegrini fiż-żmien, għinna nimxu fit-triq tal-paċi.  Ammen.

Awguri ta’ paċi u sliem fil-bidu tas-sena ġdida 2018 lil kulħadd.

Fr.Claude

Ikkummenta