Riżoluzzjoni għas-sena 2018

Posted by on January 6, 2018 in Featured Article | 0 comments

Riżoluzzjoni għas-sena 2018

Ir-riżoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena jmorru lura għal mijiet ta’ snin. Iżda, filwaqt li t-tradizzjoni għexet għal dan iż-żmien kollu, hawn min ir-riżoluzzjoni tiegħu ddum mill-Milied sa San Stiefnu.  Inti għandek xi riżoluzzjoni ?  Bħala parroċċa qed nirrakomandaw riżoluzzjoni għas-sena li għadna kif bdejna:  Riżoluzzjoni ta’ aktar talb – Nersqu iżjed lejn Alla permezz tat-talb.  Minn din il-paġna, iżjed l-isfel qed noffrulek links li jgħinuk titlob.  Talb bil-Malti u anke bl-Ingliż.

Alla jkellem lill-bniedem bil-Kelma tiegħu.  Hu bil-kliem tal-fomm u tal-moħħ, li t-talb jitlissen.  Iżda l-aktar ħaġa importanti fit-talb hi li qalbna tkun qiegħda quddiem dak li nkunu nkellmu fit-talb tagħna. Is-smigħ tat-talb tagħna jiddependi , mhux minn kemm ngħidu kliem, imma mill-ħeġga tar-ruħ.

Kemm il-darba smajna dak li qalilna Kristu, meta titolbu għidu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet,  jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.  Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum. Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.’ (Mt 6:9-13)

Żgur li Kristu ma riedx li fit-talb ippoġilna f’ħalqna formoli eżatti u preċiżi li nitgħallmuhom bl-amment u nreddnuhom bħal pappagal, imma ċert li ried jagħtina mudell għat-talb tagħna.

Il-Papa Franġisku beda jirreklama t-talb bħala mediċina tal-qalb.  Huwa dejjem iħeġġeġ il-folla sabiex titlob it-talba tar-Rużarju, li tgħin ir-ruħ u taqsam l-imħabba, il-maħfra u l-fraternità mal-oħrajn.

Mela, ibda’ s-sena 2018 b’riżolużżjoni li titlob ftit kuljum.  Dawn il-links hawn taħt jgħinuk tilħaq dan l-iskop.

http://www.stjuliansparish.org/talb-ghal-kuljum/

http://www.stjuliansparish.org/talb-ghal-kuljum-daily-prayers/

 

Ikkummenta