It-Tieni Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on January 13, 2018 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tieni Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.

1 Sam 3, 3b-10.19

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, Samwel kien mimdud fit-tempju tal-Mulej, fejn kien hemm l-arka ta’ Alla.

Il-Mulej sejjaħ: “Samwel!” U dan wieġeb: “Hawn jien!” U mar jiġri għand Għeli. “Hawn jien”, qallu, “għalfejn sejjaħtli?” “Ma sejjaħtlekx”, wieġeb, “erġa’ mur imtedd”. U raġa’ mar jorqod.

U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” U Samwel qam u mar għand Għeli u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?” “Ma sejjaħtlekx, ibni”, wieġeb, “erġa’ mur orqod”. Samwel kien għadu ma għarafx il-Mulej, u anqas kienet għadha ma ttgħarrfitlu l-kelma tal-Mulej.

U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” għat-tielet darba. U dan qam, u mar għand Għeli, u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?” U Għeli fehem li l-Mulej kien qiegħed isejjaħ iż-żagħżugħ. U qal lil Samwel: “Mur orqod. Jekk jerġa’ jsejjaħlek, wieġeb: Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”. U Samwel mar jorqod f’postu.

U l-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: “Samwel! Samwel!” U Samwel wieġeb: “Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”.

Samwel kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli qal tmur fix-xejn.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 39 (40), 2.4ab. 7-8a. 8b-9.10

R/. (8a.9a): Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;

hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,

għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. R/.

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.

“Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;

xufftejja ma żammejthomx magħluqa.

Mulej, dan inti tafu. R/.

Qari II

L-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu.

1 Kor 6, 13c-15a. 17-20

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, il-ġisem mhuwiex għaż-żína iżda għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem. U Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa tiegħu. Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu? Min jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu. Aħarbu ż-żína! Kull dnub li wieħed jagħmel hu ’l barra minn ġismu, iżda min jagħmel iż-żína jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess. Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu, li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom? Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 1, 41,17b

Hallelujah. R/. Hallelujah

“Sibna l-Messija:”

Il-grazzja u l-verità seħħu permezz tiegħu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Marru u raw fejn kien jgħammar il-Mulej.

Ġw 1, 35-42

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġwanni kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Rabbi” – li tfisser, Mgħallem – “fejn toqgħod?” . Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”. U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar.

Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta