“Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, erġgħu duru lejn il-Mulej” (Ġoel 2:12,13)

Posted by on February 11, 2018 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

“Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, erġgħu duru lejn il-Mulej” (Ġoel 2:12,13)

Permezz ta’ dan il-vers il-profeta Ġoel f’isem il-Mulej idur fuq il-poplu; ħadd ma seta’ jħossu li tħalla barra: “Għajtu x-xjuħ, iġbru t-tfal, u t-trabi tal-ħalib; […] l-għarus […] u l-għarusa” (v. 16). Il-Poplu fidil kollu ta’ Alla hu msejjaħ biex jibda miexi u jqim lil Alla tiegħu, “għax hu twajjeb u ħanin, tqil biex jinkorla, u kollu tjieba” (v. 13).

 

Anki aħna rridu nagħmlu eku ta’ din is-sejħa, irridu nerġgħu lura lejn il-qalb ħanina tal-Missier. F’dan iż-żmien ta’ grazzja li qed nibdew illum, ejjew niffissaw ħarsitna għal darb’oħra fuq il-ħniena tiegħu. Ir-Randan hu triq: twassalna għar-rebħa tal-ħniena fuq dak kollu li jipprova jgħaffiġna jew jirriduċina għal kull ħaġa li mhix skont id-dinjità ta’ wlied Alla. Ir-Randan hu t-triq mill-jasar għal-libertà, mit-tbatija għall-ferħ, mill-mewt għall-ħajja. Il-ġest tal-irmied, li bih nibdew il-mixja tagħna, ifakkarna fil-qagħda oriġinali tagħna: ilkoll tqajjimna mill-art, aħna magħmulin mit-trab. Iva, imma trab fl-idejn kollha mħabba ta’ Alla li nefaħ l-ispirtu tal-ħajja tiegħu fuq kull wieħed u waħda minna u hekk irid ikompli jagħmel; irid jibqa’ jagħtina dak in-nifs tal-ħajja li jsalvana minn għamliet oħra ta’ nifs: il-qtugħ ta’ nifs li jifga, ipprovokat mill-egoiżmu tagħna, qtugħ ta’ nifs li ġej mill-ambizzjonijiet imsejkna tagħna u l-indifferenzi siekta tagħna; qtugħ ta’ nifs li joħnoq l-ispirtu, iliġġem ix-xefaq u jilloppja t-taħbita tal-qalb. In-nifs tal-ħajja ta’ Alla jsalvana minn dan il-qtugħ ta’ nifs li jitfi l-fidi tagħna, ikessaħ l-imħabba tagħna u jġib fix-xejn it-tama tagħna. Ngħixu r-Randan ifisser nixxenqu għal dan in-nifs tal-ħajja li l-Missier ma jehda qatt joffrilna qalb it-tajn tal-istorja tagħna.

 

In-nifs tal-ħajja ta’ Alla jeħlisna minn dak il-qtugħ ta’ nifs li ħafna drabi lanqas nintebħu bih u li saħansitra drajna “ninnormalizzawh”, anki jekk l-effetti tiegħu jinħassu; jidhrilna normali għax drajna nieħdu n-nifs f’arja fejn it-tama saret ħaġa rari, arja ta’ diqa u ta’ rassenjazzjoni, arja li tifgak bil-paniku u l-ostilità.

 

Ir-Randan hu ż-żmien biex ngħidu le. Le għall-qtugħ ta’ nifs tal-ispirtu minħabba fit-tinġis ikkawżat mill-indifferenza, mit-traskuraġni ta’ min jaħseb li l-ħajja tal-ieħor mhix biċċa tiegħu; għal kull tentattiv li nibbanalizzaw il-ħajja, speċjalment dik ta’ min f’ġismu jġorr it-toqol ta’ tant superfiċjalità. Ir-Randan ifisser ngħidu le għat-tinġis velenuż tal-kliem vojt u bla sens, tal-kritika ħarxa u mgħaġġla, tal-analiżijiet sempliċistiċi li ma jafux iħaddnu l-kumplessità tal-problemi umani, speċjalment il-problemi ta’ dawk li l-aktar qed ibatu. Ir-Randan hu ż-żmien li ngħidu le; le għall-qtugħ ta’ nifs ta’ talb biex inserrħu l-kuxjenza, ta’ karità biex inħossuna sodisfatti, ta’ sawm li bih inħossuna f’postna. Ir-Randan hu ż-żmien biex ngħidu le għall-qtugħ ta’ nifs li jiġi mill-‘intimiżmi’ li jeskludu, li jridu jaslu għand Alla imma jiskansaw il-pjagi ta’ Kristu preżenti fil-pjagi ta’ ħutu: dawk l-ispiritwalitajiet li jirriduċu l-fidi għal kulturi tal-getto u ta’ esklużjoni.

Ir-Randan hu ż-żmien biex nerġgħu nibdew nieħdu n-nifs, hu ż-żmien biex niftħu qalbna għan-nifs tal-Uniku wieħed li kapaċi jibdel it-trab tagħna f’umanità. Mhux iż-żmien li nċarrtu lbiesna quddiem il-ħażen li jdawwarna, imma pjuttost li nagħmlu wisa’ f’ħajjitna għall-ġid kollu li nistgħu nagħmlu, nitneżżgħu minn dak li jaqtagħna għalina waħidna, jagħlaqna fina nfusna u jipparalizzana. Ir-Randan hu ż-żmien tal-ħniena biex mas-Salmista nistgħu ngħidu: “Roddilna [, Mulej,] l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, u bi spirtu qalbieni wettaqna”, sakemm b’ħajjitna nxandru t-tifħir tiegħek (ara Salm 51:14), u t-trab tagħna – bil-qawwa tan-nifs tal-ħajja tiegħek – jinbidel fi “trab tal-imħabba”.

Ikkummenta