It-Tieni Ħadd tal-Għid

Posted by on April 7, 2018 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tieni Ħadd tal-Għid

 Qari I

Qalb waħda u ruħ waħda.

Atti 4, 32-35

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien. B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna. Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 117 (118), 2-4.16ab-18.22-24

R/. (1): Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax it-tjieba tiegħu għal dejjem!

 

Jew

 

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah

Ħa jgħidu wlied Iżrael: “Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.

Ħa tgħid dar Aron:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.

Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej,

iżda ma telaqnix għall-mewt. R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih! R/.

 

Qari II

Kull min hu mwieled minn Alla jirbaħ lid-dinja

1 Ġw 5, 1-6

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna.

Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu l-verità.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 20, 29

Hallelujah. R/. Hallelujah

Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;

henjin dawk li ma rawx u emmnu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Tmint ijiem wara ġie Ġesù.

Ġw 20, 19-31

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta