L-Iva ta’ Marija għall-ħajja

Posted by on May 1, 2018 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

L-Iva ta’ Marija għall-ħajja

L-Iva ta’ Marija għall-ħajja

 

Alla jiġi jgħammar fostna, isir bniedem bħalna.  U dan sar possibbli permezz ta’ “iva” kbira – dak tad-dnub kien il-“le” – din hi l-“iva”, l-“iva” l-kbira – l-“iva” ta’ Marija fil-waqt tat-tħabbira.  Minħabba din l-iva Ġesù beda l-mixja tiegħu fit-toroq tal-umanità; bdieha f’Marija, u għadda l-ewwel xhur ta’ ħajtu fil-ġuf ta’ ommu: ma deherx bħala bniedem adult u qawwi, imma għadda mill-esperjenzi li jgħaddi minnhom il-bniedem.  Sar bħalna f’kollox minbarra f’ħaġa waħda, dik il-“le”, minbarra d-dnub.  Għalhekk għażel lil Marija, l-unika kreatura mingħajr dnub, immakulata.  Fl-Evanġelju, hemm kelma waħda, “bil-grazzja mimlija” (Lq 1,28), jiġifieri mingħajr tebgħa.  Ifisser li Hi mimlija bil-grazzja minnufih, m’hemmx wisa’ għad-dnub. Aħna wkoll, meta nduru lejHa, nagħrfu dan il-ġmiel: ninvokawHa bħala “mimlija bil-grazzja”, mingħajr ebda dell ta’ dnub.

Marija twieġeb għall-istedina ta’ Alla u tgħid: «Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej» (Lq v. 38).  Ma tgħidx: «Tajjeb, did-darba nagħmel ir-rieda t’Alla, nuri li jien disposta, imbaħgad wara naraw….”  Le, l-”iva” tagħha hi sħiħa, għal ħajjitha kollha, mingħajr kundizzjonijiet.  U bħalma dik il-“le” tal-oriġini kienet għalqet it-triq ta’ bejn Alla u l-bniedem, dik l-“iva” ta’ Marija fetħet it-triq biex Alla jiġi fostna.  Hi l-“iva” l-aktar importanti tal-istorja, l-“iva” fidila li tfejjaq id-diżubbidjenza, l-“iva” disponibbli li taqleb ta’  taħt fuq l-egoiżmu tad-dnub.

Aħna wkoll, kull wieħed u waħda minna għandna storja ta’ salvazzjoni magħmula minn iva u le.  Però  kultant aħna esperti biex ngħidu nofs iva, aħna bravi biex nagħmlu tabirruħna li mhux nifhmu dak li jrid Alla u dak li tkun qed tissuġġerilna l-kuxjenza.  Moħħna jilħqilna biżżejjed biex ma ngħidux le veru lil Alla u ngħidu: “Skużani, imma ma nistax”, “mhux illum imma għada”; “għada nkun aħjar, għada fi ħsiebni nitlob, nagħmel il-ġid, għada”.  U dil-makakkerija tbegħedna mill-iva, tbegħedna minn Alla u tressaqna lejn il-le, il-le tad-dnub, il-le tal-medjokrità.  Il-famuża “iva…. imma”; “iva, Mulej, imma……”  Però b’hekk nagħlaqu l-bieb għat-tajjeb u l-ħażen japprofitta ruħu minn dawn il-ħafna “iva” bla ħeġġa ta’ xejn.  Kull wieħed u waħda minna għandna kollezzjoni minn dawn ġo fina.  Naħsbu ftit, u nsibu tant “iva” li m’għidniex.  Iżda kull iva sħiħa lil Alla hi l-bidu ta’ storja ġdida: l-iva lil Alla hi xi ħaġa verament “oriġinali”, hi oriġini, mhux id-dnub li jxejjaħna minn ġewwa.  Qatt ħsibtuha din, li d-dnub ixejjaħna minn ġewwa?  Ixejjaħna f’qasir żmien.  Kull iva lil Alla hu l-bidu ta’ storja ta’ salvazzjoni għalina u għall-oħrajn bħalma għamlet Marija bl-iva tagħha.

 

Fr.Claude

Ikkummenta