Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Solennità

Posted by on May 11, 2018 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Solennità

 Qari I

Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.

Atti 1, 1-11

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha – qalilhom – smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?” Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.

Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 46 (47), 2-3.6-7.8-9

R/. (6): Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ

 jew

 R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah

Popli kollha, ċapċpu jdejkom,

għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,

sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ,

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

Għannu lil Alla, għannu,

għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.

Qari II

Naslu fl-aħjar taż-żmien biex isseħħ il-milja ta’ Kristu.

Efes 4, 1-13

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qjies tad-don ta’ Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: “Tela’”: xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art? Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox.

U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin: Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew il-forma l-qasira

 

Qari II

Naslu fl-aħjar taż-żmien biex isseħħ il-milja ta’ Kristu.

Ef 4, 1-7.11-13

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd. Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qjies tad-don ta’ Kristu.

U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin: Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 28, 19a.20b

Hallelujah. R/. Hallelujah

Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.

Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Il-Mulej Ġesù kien imtella’ s-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.

Mk 16, 15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu”.

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta