It-Tifkira tal-Ġisem u tad-Demm ta’ Kristu

Posted by on June 2, 2018 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tifkira tal-Ġisem u tad-Demm ta’ Kristu

Qari I

Hawn hu d-demm tal-Patt li l-Mulej għamel magħkom.

Eż 24, 3-8

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Mosè niżel jgħid lill-poplu kulma qallu l-Mulej u kulma ordnalu. Il-poplu wieġeb b’leħen wieħed u qal: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh”.

Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, u filgħodu qam, bena artal taħt il-muntanja, u waqqaf tnax-il plier għat-tnax-il tribù ta’ Iżrael.

Imbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Iżrael biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej. Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal. Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta’ jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu”.

Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem kollu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 115 (116), 12-13.15.16bċ.17-18

R/. (13): Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ

Xi rrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

Qari II

Id-demm ta’ Kristu jnaddaf il-kuxjenza tagħna.

Lhud 9, 11-15

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri mhijiex ħolqien ta’ din l-art; hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.

Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied tal-għoġla mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista’ jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!

U għalhekk hu medjatur ta’ patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet li saru fi żmien il-patt ta’ qabel, dawk li huma msejħa minn Alla jiksbu l-wirt ta’ dejjem li hu wegħedhom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Sekwenza

Is-sekwenza tista’ ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-Anġli, magħmul ikel.

 

Faħħar, Sijon, lill-Feddej,

ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,

bl-innijiet u bl-għana.

Ibqa’ faħħru daqs kemm tista’,

għax Hu ’l fuq minn kull tifħir,

qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.

Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,

il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,

hawn quddiemna f’dan il-jum.

Dak il-ħobż li fuq il-mejda,

lill-appostli fl-ikla mqaddsa,

kien ingħata biex jikluh.

Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,

b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,

ikun jixraq ferħ ir-ruħ.

Għax dal-jum ta’ festa kbira,

ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,

meta saret l-ewwel darba.

F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,

l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,

temm għal kollox l-Għid qadim.

Il-qadim twarrab mill-ġdid,

dak li hu ġie flok ix-xbieha,

id-dawl biegħed dlam il-lejl.

Dak li twettaq fl-aħħar ċena,

Kristu ried jibqa’ jiġġedded,

biex ikun tifkira tiegħu.

Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,

nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna

b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.

Twemmin ġdid lilna l-insara,

li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,

u l-inbid jinbidel f’Demm.

Dak li ma tarax jew tifhem,

it-twemmin isaħħu u jwettqu,

fuq kull ordni tan-natura.

Taħt xbihat fejn aħna nilmħu

mhux il-ħajja, imma sinjali,

jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.

Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;

iżda Kristu sħiħ hemm moħbi

taħt kull waħda mix-xbihat.

Sħiħ jittiekel Kristu kollu,

bla jitkisser, bla jitfarrak,

bla jinqasam minn min jieħdu.

 

Jieklu elf u jiekol wieħed,

kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,

bla jintemm meta jittiekel.

Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;

imma ’l dawk iġib il-ħajja,

lil dawn jixħet fit-telfien.

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba

ara kif jinbidel fihom,

għalkemm jieħdu l-istess ikel.

Meta l-Ostja tkun maqsuma,

la tibżax, imm’inti ftakar,

taħt ix-xbieha ta’ kull farka

hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.

Ebda ksur ma jsir fi Kristu;

biss ix-xbieha tkun miksura:

u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas

f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.

* * *

Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel

għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,

ikel bnin għall-ulied kollha,

li m’għandux fix-xejn jintrema.

 

Bi xbihat kien ilu mħabbar,

f’dik l-offerta ta’ Iżakk,

fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,

u fil-manna tad-deżert.

Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,

Ġesù tagħna, ħenn għalina;

Int itmagħna u ħarisna:

Inti lilna l-ġid urina

fl-art imbierka tal-ħajjin.

Int li taf u tista’ kollox,

li titmagħna hawn f’dil-ħajja,

hemm agħmilna lkoll imsieħba,

f’għaqda waħda lkoll werrieta

mal-qtajjiet tal-qaddisin.

Amen. Hallelujah.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 6, 51

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;

jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dan hu ġismi. Dan hu demmi.

Mk 14, 12-16.22-26

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”.

Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, “Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?”. U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.

U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.

Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta