Is-Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on July 28, 2018 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Is-Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Jieklu, u jibqgħalhom iż-żejjed.

2 Slat 4, 42-44

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, ġie għand Eliżew raġel minn Bagħal-Salisa, u ġieb lir-ragel ta’ Alla ħobż tal-bikri: għoxrin ħobża tax-xgħir, u sbul mimli qamħ ġdid. Eliżew qallu: “Agħtihom lin-nies ħa jieklu”. Imma l-qaddej tiegħu wieġeb: “Kif nista’ nqassam dawn lil mitt ruħ?” Raġa’ qallu Eliżew: “Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: ‘Mhux biss jieklu, imma jifdal ukoll’”. Dak qassmilhom; u huma kielu, u kien għad fadal minnhom, bħalma qal il-Mulej.

 Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 10-11.15-16.17-18

R/. (ara 16): Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,

u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.

Int tiftaħ idek,

u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid. R/.

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

Qari II

Ġisem wieħed, Mulej wieħed, magħmudija waħda.

Efes 4,1-6

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 7, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah

Profeta kbir qam fostna, u

Alla żar il-poplu tiegħu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Qassam, u kulħadd ħa kemm ried.

Ġw 6, 1-15

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.

Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed

minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”.

Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom,

u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!” Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta