L-Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on July 6, 2018 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

L-Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Nies ta’ ras iebsa huma: ħa jkunu jafu li hemm profeta ġo nofshom.

Eżek 2, 2-5

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

F’dak iż-żmien, daħal fija l-ispirtu u waqqafni fuq riġlejja; u smajt x’kien qiegħed jgħidli. Qalli: “O bniedem, qiegħed nibagħtek għand ulied Iżrael, ġens ta’ nies rashom iebsa, li rvellaw kontra tiegħi; dinbu kontra tiegħi, huma u missirijiethom sal-lum stess. Huma nies wiċċhom sfiq u qalbhom iebsa. Se nibagħtek għandhom, biex tgħidilhom: ‘Dan jgħid Sidi l-Mulej’. Jisimgħu u ma jisimgħux – nies ta’ ras iebsa huma – ħa jkunu jafu li hemm profeta f’nofshom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 122 (123), 1-2a.2bċd.3-4

R/. (2ċd): Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna

Lejk nerfa’ għajnejja,

int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja

lejn id sidhom; hekk għajnejna lejn il-Mulej. R/.

Bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,

sa ma jkollu ħniena minna. R/.

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina,

għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.

Imxebbgħa għall-aħħar ruħna

biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin. R/.

Qari II

Niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija, biex tistrieħ fuqi l-qawwa ta’ Kristu.

2 Kor 12, 7-10

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, biex ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx.

Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. Iżda hu weġibni: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef”.

Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah

L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu.

Mk 6, 1-6

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?” U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.

Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta