Messaġġ mill-Kappillan – Lulju 2018

Posted by on July 8, 2018 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Messaġġ mill-Kappillan – Lulju 2018

Il-Ħajja tad-Dixxiplu

Fl-aħħar parti tad-diskors missjunarju tal-Imgħallem tagħna li jinsab f’kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Mattew (cfr 10, 37-42), insibu lil Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu, fil-mument li fih għall-ewwel darba jibgħathom f’missjoni fil-villaġġi tal-Gallileja u tal-Ġudeja.  F’din l-aħħar parti Ġesù jisħaq dwar żewġ aspetti essenzjali għall-ħajja tad-dixxiplu missjunajru: l-ewwel, li l-għaqda tiegħu ma’ Ġesù hija aktar sfieqa minn kull irbit ieħor; it-tieni, li l-missjunarju ma jirrappreżentax lilu nnifsu imma lil Ġesù, u biH, l-imħabba tal-Missier Etern.

Dawn iż-żewġ aspetti huma marbutin katina għax Ġesù jkun iċ-ċentru tal-qalb u tal-ħajja tad-dixxiplu, aktar ma’ dan id-dixxiplu hu “trasprenti” fil-preżenza tiegħu.  It-tnejn imorru flimkien id f’id.

«Min iħobb lil missieru u lil ommu aktar minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi…» (v. 37), jgħid Ġesù.  L-imħabba ta’ missier, it-tgħanniqa ta’ omm, il-ħbiberija ħelwa bejn l-aħwa, dan kollu, minkejja li hu tajjeb ħafna u leġittimu, ma jistax jitqiegħed qabel Kristu.  Mhux għaliex hu jridna bla qalb jew neqsin mir-rikonoxxenza, anzi, bil-maqlub, għaliex il-kundizzjoni tad-dixxiplu tesiġi relazzjoni prijoritarja mal-Imgħallem.  Għal kull dixxiplu kemm jekk ikun lajk, lajka, saċerdot, isqof: ir-relazzjoni hi prijoritarja.  Forsi l-ewwel mistoqsija li għandna nagħmlu lin-Nisrani hija: “Imma int tiltaqa’ ma’ Ġesù?  Inti titolbu lil Ġesù?”  Ir-relazzjoni.  Kważi nistgħu niġbru f’parafrasi l-Ktieb tal-Ġenesi: Għalhekk ir-raġel jitlaq lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ Ġesù Kristu u t-tnejn isiru ħaġa waħda (cfr Ġen 2,24).

Inħallu li dir-rabta ta’ mħabba u ta’ ħajja mal-Mulej Ġesù, tiġbidna lejha, u tagħmilna rappreżentanti tiegħu, “ambaxxaturi” tiegħu, fuq kollox bil-mod kif inġibu ruħna, kif ngħixu.  Sal-punt li hu u jibgħat lid-dixxipli f’missjoni Ġesù stess jgħid: «Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jilqa’ lil dak li bagħatni» (Mt 10,40).  Hemm bżonn li n-nies jaraw li għal dak id-dixxiplu Ġesù hu verament “il-Mulej”, hu verament iċ-ċentru ta’ ħajtu, il-“kollox” fil-ħajja.  Ma jimpurtax imbagħad illi, bħal kull persuna umana, hu jkollu l-limitazzjonijiet tiegħu u anki l-iżbalji tiegħu – sakemm ikollu l-umiltà li jammettihom – l-importanti hu li ma jkollux ħajja parallela – dan hu perikoluż.

U hawn, l-esperjenza tagħna ta’ saċerdoti tgħallimna ħaġa sabiħa ħafna, ħaġa importanti ħafna: hi propju din l-akkoljenza tal-poplu qaddis ta’ Alla, hi propju «it-tazza ilma frisk» (v. 42) li jitkellem dwarha l-Mulej fl-Evanġelju tal-lum, mogħtija bil-fidi, li tgħinek tkun saċerdot tajjeb!  Anki fil-missjoni hemm ir-reċiproċità: jekk int tħalli kollox għal Ġesù, in-nies fik jagħrfu l-Mulej; imma fl-istess ħin tgħinek tikkonverti lejH kuljum, tiġġedded u ssaffi lilek innifsek mill-kompromessi u tegħleb it-tentazzjonijiet.  Aktar ma s-saċerdot ikun qrib tal-poplu t’Alla, aktar iħossu qrib ta’ Ġesù, u aktar ma s-saċerdot ikun qrib Ġesù aktar iħossu qrib tal-poplu t’Alla.

Il-Verġni Marija ħasset personalment xi jfisser tħobb lil Ġesù, billi inqatgħet minnha nfisha u tat sens ġdid lir-rabtiet familjari, ibda mill-fidi fiH.  Bl-interċessjoni materna tagħha hi tgħinna nkunu missjunarji ħielsa u ferrieħa tal-Evanġelju.

 

Fr Claude

 

Ikkummenta