Il-Kelma tal-Kappillan

Posted by on August 4, 2018 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Il-Kelma tal-Kappillan
Spread the love

Mulej joffrilna messaġġ ta’ tama

F’Kapitlu 17 tal-Evanġelju skont San Mark insibu s-silta tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej, naqraw li Ġesù ħadhom miegħu «ħadhom waħedhom fuq muntajna għolja» (Mt 17,1) u, waqt li kien qed jitlob, wiċċu nbidel u beda jiddi bħax-xemx filwaqt li lbiesu sar abjad bħad-dawl.  Imbagħad dehru Mosè u Elija u bdew jiddiskutu miegħu.  F’dal waqt Pietru qal lil Ġesù: «Mulej, kemm hu sew li qegħdin hawn!  Jekk trid nagħmlu tliet tined, waħda għalik , waħda għal Mosè u oħra għal Elija» (v. 4).  Kien għadu ma temmx jitkellem meta sħaba mdawla għattiethom.

L-avveniment tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej joffrilna messaġġ ta’ tama – hekk se nkunu aħna, meta nkunu miegħu -: tistedinna niltaqgħu ma’ Ġesù, biex inkunu ta’ servizz għal ħutna.

It-tlugħ tad-dixxipli lejn il-muntanja Tabor iġegħlena nirriflettu dwar kemm hu importanti li ninqatgħu minn mal-ħwejjeġ tad-dinja, biex nagħmlu mixja ‘l fuq u nikkuntemplaw lil Ġesù.  Ifisser li għandna nkunu mifutħin għas-smigħ attent u ta’ talb ta’ Kristu, l-Iben il-maħbub tal-Missier, billi nfittxu waqtiet biex nitolbu, li fihom nilqgħu bil-ħlewwa u l-ferħ il-Kelma t’Alla.  F’din it-telgħa spiritwali, f’dan it-tbegħid mill-ħwejjeġ tad-dinja, aħna msejħin niskopru mill-ġdid is-skiet ta’ paċi li jġedded, li jtuna l-meditazzjoni tal-Evanġelju, il-qari tal-Bibbja, u jmexxuna lejn destinazzjoni għanja bis-sbuħija, bl-isplendur u bil-ferħ.  U meta aħna niddisponu ruħna b’dal mod, bil-Bibbja f’idejna, fis-skiet, nibdew inħossu din is-sbuħija interjuri, dan il-ferħ li tnissel il-Kelma t’Alla fina.

F’din il-perspettiva, iż-żmien tas-sajf hu providenzjali biex inżidu l-impenn tagħna għat-tfittxija u l-laqgħa mal-Mulej.  F’dan iż-żmien l-istudenti huma ħielsa mill-impenji tal-iskola u ħafna familji jieħdu l-vaganzi; huwa importanti li fiż-żmien tal-mistrieħ u distakk mill-ħidma ta’ kuljum, il-forzi tal-ġisem u tal-ispirtu jistgħu jiksbu qawwa ġdida aħna u nidħlu aktar fil-fond tal-mixja spiritwali tagħna.

Fi tmiem l-esperjenza meraviljuża tat-Trasfigurazzjoni, id-dixxipli niżlu minn fuq il-muntanja (cfr v. 9) b’għajnejhom u qlubhom trasfigurati minħabba l-laqgħa mal-Mulej.  Hija l-mixja li nistgħu nagħmlu aħna wkoll.  L-iskoperta ta’ Ġesù li ssir dejjem aktar ħajja, mhix għan fih innifsu, imma ġġegħelna “ninżlu minn fuq il-muntanja”, imġeddin mill-qawwa tal-Ispirtu Divin, biex nieħdu passi ġodda ta’ konverżjoni u biex inkunu xhieda bla ma naqtgħu tal-karità, bħala regola tal-ħajja ta’ kuljum.  B’hekk, ittrasformati mill-preżenza ta’ Kristu u mill-ħeġġa tal-Kelma tiegħu, insiru sinjal konkret tal-imħabba li tagħti l-ħajja, li Alla għandu għal ħutna kollha, speċjalment għal min ibati, għal min jgħix fis-solitudni u mwarrab, għall-morda u għall-għadd kbir ta’ rġiel u nisa li, f’diversi nħawi tad-dinja, huma umiljati mill-inġustizzja, mill-prepotenza u l-vjolenza.

Waqt it-Trasfigurazzjoni jinstama’ leħen il-Missier jgħid: «Dan hu Ibni l-maħbub.   Isimgħu lilu!» (v. 5).  Inħarsu lejn Marija, Il-Verġni tas-smigħ, dejjem lesta biex tilqa’ u tħares f’qalbha kull kelma ta’ Binha divin (cfr Luqa 1,51).  Jalla Ommna u Omm Alla tgħinna nidħlu f’armonija mal-Kelma t’Alla, biex Kristu jsir id-dawl u l-gwida tal-ħajja tagħna kollha.

Nafdawlha wkoll f’idejha l-vaganzi ta’ kulħadd sabiex ikunu hienja u għammiela, imma fuq kollox, nafdawlha s-sajf ta’ min ma jistax imur għall-vaganzi minħabba l-età, minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew tax-xogħol, minħabba ċirkustanzi finanzjarji mwiegħra jew problemi oħra, biex għalihom is-sajf ikun xorta waħda żmien ta’ mistrieħ, imferraħ mill-preżenza tal-ħbieb u minn mumenti ta’ hena.

Ikkummenta