Messaġġ mill-Kappillan – Ottubru 2018

Posted by on September 30, 2018 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Messaġġ mill-Kappillan – Ottubru 2018

L-Ispirtu s-Santu hu dak li jmexxi l-Knisja

L-Ispirtu s-Santu hu dak li jmexxi l-Knisja, li jaħdem fiha, fi qlubna, hu dak li lil kull nisrani jagħmlu persuna differenti minn oħrajn, imma li mbagħad jgħaqqad lil kulħadd flimkien. Hu dak li jmexxi, li jiftaħ il-bibien u jistiednek biex tagħti xhieda ta’ Ġesù. Wara l-qawmien tal-Mulej mill-imwiet il-kliem: “Irċievu l-Ispirtu s-Santu u tkunu xhieda tiegħi fid-dinja kollha” huma kostanti.

L-Ispirtu s-Santu hu dak li jqanqalna biex infaħħru ‘l Alla u nitolbu. Hu dak li jgħallimna nħarsu lejn il-Missier u ngħidulu: “Missierna”. Jeħlisna minn dil-qagħda ta’ orfni li fiha jrid idaħħalna l-ispirtu tad-dinja.

L-Ispirtu s-Santu hu l-protagonista tal-Knisja, hu dak li jaħdem fil-Knisja. Il-periklu hu li aħna ma ngħixux dan, meta ma jkollniex ħila nwettqu din il-missjoni u nirriduċu l-fidi f’regoli morali, f’etika biss. Ma nistgħux nieqfu biss fil-ħarsien tal-Kmandamenti bla ma nagħmlu xejn aktar: dan nista’ nagħmlu u dak ma nistax, s’hawn nista’ nasal u mhux aktar! B’hekk il-morali ssir ħaġa riġida, distakkata.

Il-ħajja nisranija mhix etika, imma hija laqgħa ma’ Ġesù Kristu. Huwa propju l-Ispirtu s-Santu li jmexxini lejn dil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu.  Imma f’ħajjitna, l-Ispirtu s-Santu qiesu priġunier speċjali, ma nħalluhx jimbuttana ma nħalluhx iċaqlaqna. Kollox jagħmel, kollox jaf, jaf ifakkrna x’qal Ġesù, jaf jispjegalna dak li għamel Ġesù.

Ħaġa waħda biss ma jafx jagħmel l-Ispirtu s-Santu – ma jafx jagħmilna nsara “tas-salott”. Dan ma jafx jagħmlu! Ma jafx jagħmel minna nsara virtwali imma jaf jagħmilna nsara bil-virtù. Hu jieħu l-ħajja kif inhi bil-profezija li jaqra s-sinjali taż-żminijiet u b’hekk imexxina ‘l quddiem.

L-Ispirtu s-Santu li hemm fina, jimbuttana biex noħroġu minna nfusna, mingħajr biża’?  Kif inhu l-kuraġġ tiegħi, il-kuraġġ li jtini l-Ispirtu s-Santu biex noħroġ minni nnifsi, biex nagħti xhieda ta’ Ġesù? U aktar: kif inhi l-paċenzja tiegħi fil-mumenti tal-prova?

Insaqsi: Jien verament nemmen jew għalija l-Ispirtu s-Santu hu kliem biss? Nippruvaw nitkellmu miegħu u ngħidulu: Jiena naf min int, Int tinsab f’qalbi, Int ir-ruħ tal-Knisja, Int tmexxiha ‘l quddiem, Int tgħaqqad lil kulħadd flimkien, aħna li aħna differnti minn xulxin, bid-diversità, imma lkoll ħaġa waħda. Ngħidulu dawn l-affarijiet kollha u nitolbuh il-grazzja li nitgħallmu nwettqu fil-prattika ta’ ħajjitna, dak li jagħmel Hu. Il-grazzja tal-ħlewwa tiegħu: inkunu doċli bħall-Ispirtu s-Santu.

Ikkummenta