Il-Bniedem f’battalja dejjiema bejn it-tajjeb u l-hażin

Posted by on November 3, 2018 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Il-Bniedem f’battalja dejjiema bejn it-tajjeb u l-hażin
Spread the love

Il-qalb tal-bniedem tixbaħ “kamp tal-battalja” fejn jitqabdu żewġ “spirti” differenti: wieħed hu dak ta’ Alla li jmexxina lejn l-opri tajba, il-karità, il-fraternità, l-ieħor hu dak tad-dinja, li jimbuttana lejn il-vanità, kburija, suffiċjenza, tqassis u tlablib fil-vojt.

Infatti hu l-Ispirtu s-Santu li jmexxina biex insiru nafu lil Ġesù, u biex ikollna l-istess sentimenti tiegħu li bihom nifhmu qalbu. Il-bniedem mitluq għall-forzi tiegħu biss ma jifhimx lill-Ispirtu s-Santu. Hemm żewġ spirti. Żewġ modi ta’ kif naħsbu, inġibu ruħna u nħossu: dak li jmexxini lejn l-Ispirtu t’Alla u dak li jressaqni lejn l-ispirtu tad-dinja. Dan jiġri matul ħajjitna. Ilkoll kemm aħna għandna fina dawn iż-żewġ spirti.

L-Ispirtu t’Alla jmexxina lejn l-opri tajba, lejn il-karità, lejn il-fraternità, iwassalna biex naduraw lil Alla, biex insiru nafu lil Ġesù, biex nagħmlu ħafna opri ta’ karità, biex nitolbu. L-ispirtu l-ieħor, dak tad-dinja, imexxina lejn il-vanità, l-arroganza, it-tlablib żejjed: triq differenti għal kollox minn dik li twassalna lejn Alla. Qalbna tixbaħ kamp tal-battalja, kamp tal-gwerra fejn jitqabdu dawn iż-żewġ spirti.

Għalhekk, fil-ħajja nisranija hemm bżonn nitqabdu biex nagħmlu wisa’ lill-Ispirtu t’Alla u nbegħedu minn l-ispirtu tad-dinja. Huwa eżami tal-kuxjenza li għandu jsir kuljum, dan jgħinna nindunaw liema jkunu t-tentazzjonijiet, niċċaraw il-mod ta’ kif iġibu ruħhom dawn iż-żewġ spirti kuntrarji għal xulxin.  Sempliċi ħafna: għandna dan id-don kbir li hu l-Ispirtu t’Alla, imma aħna dgħajfa, midinbin u jkollna t-tentazzjoni mill-ispirtu tad-dinja wkoll. F’dik it-taqbida spiritwali, f’dil-gwerra tal-ispirtu, jeħtieġ li noħorġu rebbieħa bħalma ħareġ Ġesù.

Kuljum filgħaxija, in-nisrani għandu jaħseb dwar il-ġurnata tiegħu biex jifhem jekk għelbuhx il-vanità u s-suppervja inkella jekk irnexxilux jimita lil Iben Alla. Nagħrfu dak li qed jiġri fi qlubna. Jekk dan ma nagħmluhx, jekk ma nkunux nafu x’qed jiġri fi qlubna – u din mhux jien qed ngħidha imma tgħidha l-Iskrittura Mqaddsa – inkunu bħall-annimali li ma jifhmu xejn, jimxu biss bl-istint.  Iżda aħna wlied Alla, mgħammdin bid-don tal-Ispirtu s-Santu.  Għaldaqstant hu mportanti li nifhmu xi jkun ġara f’qalbna matul il-ġurnata.

 

Fr Claude

Ikkummenta