It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu – Solennità – Quddiesa tal-Vġili


Qari I

Il-Mulej tgħaxxaq bik.

Is 62, 1-5

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Minħabba f’Sijon ma nehdiex,

minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx,

sa ma tfeġġ bħal dija l-ġustizzja tagħha,

tħeġġeġ bħal torċa s-salvazzjoni tagħha.

Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus,

u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.

B’isem ġdid għad isejħulek,

isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.

Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej,

u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.

Ma jgħidulekx aktar l-Abbandunata,

lanqas lil artek l-Imħarbta.

Lilek għad isejħulek Għaxqti fiha,

u lil artek għad jgħidulha Għarusa;

għax l-għaxqa tal-Mulej fik, u artek għad titgħarras.

Bħalma għarus jitgħarras xebba,

hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;

u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu,

hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 88 (89), 4-5.16-17.27.29

R/. (2a): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

Int għedt Mulej:

“Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,

ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:

Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,

li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek”. R/.

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,

li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.

B’ismek jithennew il-jum kollu,

u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu. R/.

“Hu jsejjaħli: “Int missieri u Alla tiegħi,

fortizza u salvazzjoni tiegħi!”

It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,

u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ”. R/.

Qari II

Pawlu jixhed għal Kristu, Bin David.

Atti 13, 16-17. 22-25

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Meta ġie f’Antijokja ta’ Pisidja, Pawlu qam fis-sinagoga, għamel sinjal b’idu u beda jitkellem: “Nies ta’ Iżrael, u intom il-ġnus li tibżgħu minn Alla, isimgħuni. Alla ta’ dan il-poplu ta’ Iżrael għażel lil missirijietna. Meta l-poplu kien jgħix f’art barranija, fl-Eġittu, Alla għamlu poplu kbir u ħarġu minn hemm bil-qawwa ta’ driegħu.

Meta mbagħad neħħa lil Sawl, qiegħed bħala sultan tagħhom lil David, li għalih ta din ix-xhieda: “Sibt lil David, bin Ġesse, raġel skont qalbi, li jagħmel dak kollu li rrid jien”.

Min-nisel ta’ David, Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni ħareġ ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Iżrael. U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: “Jien m’iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah. R/. Hallelujah

Għada jinqered il-ħażen tal-art,

u jsaltan fuqna s-Salvatur tad-dinja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David.

Mt 1, 1-25

Bidu tal-Evanġelju skont San Mattew

Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham. Abraham nissel lil Iżakk, Iżakk nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram nissel lil Għamminadab, Għamminadab nissel lil Naħson, Naħson nissel lil Salmon, Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab, Bogħaż nissel lil Għobed minn Rut, Għobed nissel lil Ġesse, Ġesse nissel lil David, is-sultan.

David nissel lil Salamun mill-mara ta’ Urija, Salamun nissel lil Robogħam, Robogħam nissel lil Abija, Abija nissel lil Asa, Asa nissel lil Ġosafat, Ġosafat nissel lil Ġoram, Ġoram nissel lil Għużżija, Għużżija nissel lil Ġotam, Ġotam nissel lil Aħaż, Aħaż nissel lil Ħeżekija, Ħeżekija nissel lil Manassi, Manassi nissel lil Amon, Amon nissel lil Ġosija, Ġosija nissel lil Ġekonija u lil ħutu; kien żmien l-eżilju f’Babilonja.

Wara l-eżilju f’Babilonja, Ġekonija nissel lil Salatjel, Salatjel nissel lil Żorobabel, Żorobabel nissel lil Abiħud, Abiħud nissel lil Eljakim, Eljakim nissel lil Ażor, Ażor nissel lil Sadok, Sadok nissel lil Akim, Akim nissel lil Eliħud,Eliħud nissel lil Elgħażar, Elgħażar nissel lil Mattan, Mattan nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu l-Messija.

Mela n-nisel kollu kien, minn Abraham sa David, erbatax-il nisel, minn David sal-eżilju ta’ Babilonja, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta’ Babilonja sal-Messija, erbatax-il nisel.

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.

Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu. Imma baqa’ ma għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Jew il-forma l-qasira

Evanġelju

Marija jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù.

Mt 1, 18-25

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.

Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.

Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu. Imma baqa’ ma għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

About the author

Ikkummenta