Tieni Ħadd tal-Avvent

Posted by on December 8, 2018 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Tieni Ħadd tal-Avvent

It-Tieni Ħadd tal-Avvent

Qari I

Alla għad juri sbuħit Ġerusalemm lid-dinja.

Baruk 5, 1-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk

Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm, ilbies il-vistu u n-niket tiegħek,

u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta’ Alla.

Ilbes mantar il-ġustizzja ta’ Alla,

qiegħed fuq rasek id-dijadema tal-glorja ta’ Alla ta’ dejjem.

Għax Alla għad juri sbuħitek lid-dinja taħt ix-xemx,

Alla jsemmik għal dejjem:

“Sliem tal-Ġustizzja” u “Glorja tal-Qima ta’ Alla”.

Qum, Ġerusalemm, itla’ fl-għoli, u ħares madwarek lejn il-Lvant,

ara ’l uliedek miġmugħa, minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla’,

għall-kelma tal-Qaddis, ferħana li Alla ftakar fihom.

Telqu mingħandek bil-mixi, imkarkra mill-għedewwa,

u issa Alla se jġibhomlok,

merfugħin fil-ġieħ bħalkieku fuq tronijiet is-slaten.

Għax Alla ordna; jitniżżlu l-muntanji għolja, u l-għoljiet ta’ dejjem,

jimtlew il-widien u titwitta l-art,

biex hemm Iżrael jimxi ’l quddiem, bla tfixkil ta’ xejn,

taħt il-ħarsien ta’ Alla.

U l-foresti u s-siġar tal-fwieħa, jixħtu dellhom għal fuq Iżrael,

bl-ordni ta’ Alla.

Għax Alla jmexxi lil Iżrael ferħan,

b’dawl il-glorja tiegħu,

imsieħba mill-ħniena u l-ġustizzja ħierġa minnu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 125 (126), 1-2ab. 2ċd-3.4-5.6

R/. (3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,

konna qisna mitlufa f’ħolma;

imbagħad bid-daħk imtela fommna,

u bl-għajjat ta’ ferħ ilsienna. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:

“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

Biddel, Mulej, xortina

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ

jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

Huma u sejrin, imorru jibku,

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura,

jiġu b’għana ta’ ferħ, iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

Qari II

Kunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu.

Fil 1, 4-6.8-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom, minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel jiem sal-lum. Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù. Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù! U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 3, 4.6

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu :

u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.

Lq 3, 1-6

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija:

“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.

Kull wied jimtela,

kull muntanja u għolja titbaxxa,

il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,

u t-triqat imħarbta jitwittew.

U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta