Is-Sitt Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on February 16, 2019 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Is-Sitt Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej.

Ġer 17, 5-8

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan jgħid il-Mulej:

“Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin,

li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem,

u titbiegħed qalbu mill-Mulej.

Ikun bħal siġra tal-għargħar fix-xagħri,

li ma tara ebda ġid ġej,

li tgħammar f’art tikwi fid-deżert,

art mielħa fejn ħadd ma jgħammar.

Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej,

u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.

Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla,

b’għeruqha mxenxla lejn il-wied;

ma tibżax meta tiġi s-sħana,

il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar;

fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx,

u ma tehdiex milli tagħmel il-frott”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 1, 1-2.3.4 u 6

R/. (Salm 39 (40), 5a):

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

 

Qari II

Jekk Kristu ma kienx imqajjem mill-imwiet, fiergħa l-fidi tagħkom.

1 Kor 15, 12.16-20

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jekk Kristu hu mxandar li qam mill-imwiet, kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-mejtin? Għax jekk il-mejtin ma jqumux, anqas Kristu ma kien imqajjem. U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom. U mitlufa wkoll huma dawk li raqdu fi Kristu. Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin. Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 6, 23ab

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, jgħid il-Mulej;

għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, ħażin għalikom, intom l-għonja.

Lq 6, 17.20-26

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta