Messaġġ mill-Viċi Dun Pawl Mizzi

Posted by on February 3, 2019 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Messaġġ mill-Viċi Dun Pawl Mizzi

Fix-xahar ta’ Frar niftakru f’żewġ mumenti importanti fil-fidi tagħna –  Il-preżentazzjoni tal-Mulej fit-tempju u n-Nawfraġju ta’ San Pawl ġewwa gżiritna. Dawn iż-żewġ festi kbar fil-Knisja Maltija jfakkruna fid-dawl tal-fidi tagħna.

Fil-liturġija, is-simbolu tad-dawl nsibuh jispikka, tista’ tgħid kontinwament; nużaw x-xemgħat fuq l-altar u f’festi solenni jakkumpanjaw l-Evanġelju. Il-lampier li jinħaraq quddiem it-tabernaklu hu s-sinjal ta’ adorazzjoni u talb kontinwu quddiem il-preżenza rejali ta’ Ġesu.  Fil-magħmudija tiġi mogħtija xemgħa lill-imgħammed ġdid li tinxtegħel mill-blandun, li jintuża wkoll fil-funerali għax dik il-fjamma li nxtegħlet fina fil-magħmudija tagħna u li qaddset ħajjitna permezz tas-sagramenti, takkumpanjana fil-ħajja eterna.  Nixegħlu x-xemgħa quddiem ikoni, pitturi u xbiehat qaddisa bħala sinjal ta’ ferħ.  Il-purċissjonijiet aux flambeaux juru minn barra l-fidi tal-kommunità li tishar.

Mit-tifsiriet kollha li joħorġu mid-dawl meta użat fil-knisja, il-blandun tal-Għid għandu it-tifsira l-iktar kbira u importanti. Il-Blandun tal-Għid jirrapreżenta lill-Mulej (Lumen Christi), ix-xemx li qatt ma tgħib.  Jiġi mixgħul fid-dlam ċappa tal-lejl min-nar ġdid, għax fl-Għid jiġġedded kollox.  Id-dwal l-oħra jiġu mixgħula direttament mill-blandun.

It-tifsira kollha tad-dawl tal-Għid hi rrakkontata fl-innu sabiħ li l-Knisja tkanta fil-lejl tal-Għid – Exultet. Dan jiġbor fih it-tħabbira tal-ħelsien tal- Għid, li deher l-ewwel ħjiel tiegħu fil-ġrajjiet tal-Antik Testment u imbagħad seħħ bil-qawmien ta’ Kristu. Il-purċissjoni tad-dawl ta’ Kristu fil-lejl tal-Għid fejn il-blandun jimxi l-ewwel u warajh il-kommunità turi, li Ġesù li qam hu dawl fid-dlamijiet, hu dawwal lill-ġnus bil-qawmien tiegħu.

Il-festa tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju (msejħa wkoll bħala il-Kandlora) turi propju l-preżenza ta’ Kristu bħala dawl li jdawwal il-ġnus filwaqt li l-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fostna tfakkarna li aħna ircevejna dan id-dawl fil-bidu tal-Knisja.

Sfortunatament, minkejja li għandna d-dawl (artifiċjali, naturali u spiritwali), xorta id-dlam fil-ħajja tagħna ma sparixxiex la fil-familja u s-soċjetà u lanqas fil-Knisja (kommunita’).

Tajjeb li niriflettu fuq kemm qed inħallu lil Ġesu jkun verament id-dawl fil-ħajja tagħna u biex jgħina f’din ir-riflessjoni.  Ħa nagħlaq b’ versi partikulari mill-Vanġelju skont San Ġwann li jitkellmu dwar Ġesu bħala id-dawl:

  • “Id-dawl jiddi fid-dlam imma d-dlam ma għelbux”. (Ġw 1:5)
  • “Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru li jdawwal kull bniedem huwa u ġej fid-dinja”. (Ġw 1:8-9)
  • “U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl għax l-għemil tagħhom kien ħażin.” (Ġw 3:19)
  • “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.” (Ġw 8:12)
  • “Ftit ieħor baqagħlu magħkom id- Mela ibqgħu miexja sakemm għandkom id-dawl, biex id-dlam ma jilħaqkomx. Min jimxi fid-dlam ma jafx fejn hu sejjer.” (Ġw 12:35)

Fr Paul

Ikkummenta