It-Tielet Ħadd tar-Randan

Posted by on March 22, 2019 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tielet Ħadd tar-Randan

Qari I

JIENA-HU bagħatni għandkom.

Eż 3, 1-8a.13-15

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, 1Mosè kien jirgħa l-merħla ta’ ħatnu Ġetru, qassis ta’ Midjan, u ħa l-merħla ’l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla. Hawn deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm. Mosè qal: “Ħ nersaq u nara din id-dehra tal-għġb: għla mhux jinħraq l-għllieq?”. Il-Mulej rah riesaq biex jara, u Alla sejjaħlu minn qalb l-għollieq u qallu: “Mosè, Mosè!” U Mosè wieġeb: “Hawn jien!”. U l-Mulej qallu: “La tersaqx ’l hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa”. U ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb”. Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla.

U l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel”.

Mosè reġa’ wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: “Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom”. Huma jistaqsuni: “X’jismu?” Jiena xi ngħidilhom?”. Alla wieġbu: “Jien li Jien”. U kompla jgħidlu: “Hekk għidilhom lil ulied Iżrael: “Jiena -Hu bagħatni għandkom”.“ U Alla kompla jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael: “Jaħweh, Alla ta’ missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, bagħatni għandkom”. Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 102 (103), 1-2.3-4.6-7.8 u 11

R/. (8): Ħanin u twajjeb il-Mulej

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

Il-Mulej jagħmel is-sewwa,

u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.

Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,

l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu. R/.

Qari II

Il-ħajja tal-poplu ma’ Mosè fid-deżert inkitbet bi twissija għalina.

1 Kor 10, 1-6.10-12

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, li missirijietna lkoll kienu taħt is-sħaba, ilkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba u fil-baħar, ilkoll kielu mill-istess ikel spiritwali – xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu – madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert.

Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma. Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-Qerried. Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-żminijiet. Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Matt 4, 17

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Indmu, jgħid il-Mulej

għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.

Lq 13, 1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.

U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: “Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?”. Iżda dak wieġbu: “Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta