Ittra Pastorali għar-Randan 2019

Posted by on March 10, 2019 in Featured Article, Kummissjoni Liturgija | 0 comments

Ittra Pastorali għar-Randan 2019

Ittra Pastorali għar-Randan 2019

‘Tibżgħux tieħdu lil Marija għandkom’

Is-Sibt 9 ta’ Marzu 2019

Aħna nies li nħobbu d-dar. Dan bir-raġun, għax bejn dawk l-erba’ ħitan tad-djar tagħna jintisġu stejjer meraviljużi: stejjer ta’ familji li fihom l-għaxqa, stejjer ta’ ġenerożità kbira; stejjer li ma jitwemmnux meta tara ġenituri ssagrifikati għal uliedhom, speċjalment fejn ikun hemm xi wild bi ħtiġijiet speċjali; stejjer erojċi, bħal fejn hemm mard serju.

Imma mbagħad hemm djar fejn jinkitbu stejjer li tkun tixtieq li qatt ma seħħew, bħal fil-każ ta’ ġenituri minsija minn uliedhom; bħal fejn hemm ġrieħi miftuħa minħabba l-vjolenza domestika u l-abbuż; jew bħal fejn hemm it-tbatija li jġibu magħhom żwiġijiet imkissra. Hemm min saħansitra kellu jibdel daru għax ma setax jissaporti z-zekzik tal-ġirien. Hemm djar milquta sew mill-faqar. Hemm djar fejn rifset il-mewt u ħasdet ħajja li kienet għadha qed tiftaħ bħal warda.

F’ċirkustanzi bħal dawn aħna ntennulkom dak li San Pietru qal lill-magħtub li kien ħdejn il-bieb tat-Tempju: “Fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!” (Atti 3:6). Meta nistiednu lil Ġesù jidħol fid-dar tagħna, il-preżenza tiegħu tagħmel il-mirakli. Hekk ġara meta Ġajru sejjaħ lil Ġesù fid-dar tiegħu għax bintu kienet marida serjament.

Ma narawhiex bi kbira li fostna jkun hemm min jaħseb li mhux den biżżejjed li Ġesù jidħol fid-dar tiegħu. Hemm min jaħseb li meta Ġesù jgħaddi mit-triq tagħna, jaqbiżna u jibqa’ għaddej! Imma l-ġrajja ta’ Żakkew mhux biss turina li Ġesù jidħol ukoll fid-dar ta’ midneb pubbliku mistkerrah minn kulħadd, imma li saħansitra Ġesù stess jistieden lilu nnifsu biex imur għandu. Ġesù ma jidħolx fid-dar għax ikun hemm l-ordni, imma jkun hemm l-ordni fid-dar wara li jidħol Ġesù! Kristu miet għalina meta aħna konna għadna midinbin (ara Rum 5:8). U kif jgħidilna San Ġwann, “aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel” (1 Ġw 4:19). Dwar dan, Santu Wistin jikkummenta li Kristu, li huwa l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, miet għalina li konna koroh u mħawdin.

L-għarajjes ta’ Kana

Lil dawk li jsibuha ftit bi tqila jilqgħu lil Ġesù d-dar tagħhom, b’umiltà u mħabba nagħtuhom parir biex jagħmlu bħall-għarajjes ta’ Kana: ma jibżgħux jieħdu għandhom lil Marija. Għax Marija tiġbed lil Ġesù warajha. Hija tgħinna nduqu t-tjubija tal-imħabba li Ġesù għandu lejn kulħadd, imma b’mod partikulari lejn dawk li ħabta u sabta jaraw id-dar tagħhom ‘nieżla’.

Dak li kien ser jiġri f’Kana għax naqashom l-inbid, fid-djar tagħna jista’ jiġri meta tfaqqa’ xi kriżi serja, bħal meta l-aħwa jiksruha ma’ xulxin, meta ġenitur isib ruħu bla xogħol, meta xi ħadd fil-familja jiċċappas bid-droga, meta tixxellef il-fedeltà fiż-żwieġ, meta l-futur tal-familja jiċċajpar, meta jibdew jitmermru l-prattiċi reliġjużi u jċedu s-sisien tal-fidi, u sfidi oħra.

Is-serenità fid-djar tagħna tittiefes ukoll jekk fis-soċjetà ta’ madwarna jkun hemm sitwazzjonijiet li jħassbuna, bħalma huwa t-tnaqqir tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet, in-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja tal-bniedem sa mill-bidu nett tagħha fil-ġuf, il-faqar, il-qerda tal-ambjent, il-korruzzjoni, u ħwejjeġ oħra.

Għalina li nemmnu, ma jistax jonqos li dawk l-affarijiet negattivi fil-Knisja, bħalma huma l-għeluq, ir-reżistenzi għat-tiġdid indikat mill-Papa Franġisku, u l-eżempji ħżiena, ikollhom eku fid-djar tagħna.

Il-mumenti ta’ prova

F’mumenti inkwetanti bħal dawn għandna bżonn nisimgħu lil Ġesù msallab itennilna l-istedina li għamel lil Ġwanni filwaqt li wrieh lil Marija: “Hawn hi Ommok”, u bħal Ġwanni nieħdu lil Marija d-dar tagħna. Min-naħa tagħha, Marija toffrilna t-tweġiba għax tindikalna lil Ġesù u tgħidilna: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Kif josserva l-Papa Franġisku, li aħna nilqgħu lil Marija f’darna huwa t-testment ta’ Ġesù.

Fid-dar ta’ Nazaret mhux biss kien hemm mumenti fejn Marija u Ġużeppi ma fehmux lil xulxin mill-ewwel, imma wkoll nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri u binhom bħal meta ntilef f’Ġerusalemm. Għalhekk, Marija tifhem lil dawk il-familji fejn hemm it-tensjonijiet bejn il-koppja jew bejn il-ġenituri u l-ulied.

Id-dar ta’ Nazaret taf xi tfisser kriżi ta’ fidi, għax kemm Marija u kemm Ġużeppi jitħawdu quddiem dak li Alla jitlob minnhom. Għaldaqstant, Marija għandha postha anki fid-djar ta’ dawk li għaddejjin mil-lejl mudlam tal-fidi u qed jissaraw ma’ Alla.

Meta Marija għaddiet tliet xhur fid-dar ta’ Eliżabetta, min jaf kemm semgħet rakkonti ta’ din il-koppja anzjana li għaddiet ħajjitha fl-għajb tan-nies għax ma kellhiex tfal. Marija għalhekk tifhem lil dawk il-koppji li għandhom diffikultà biex jibdew jibnu l-familja.

Fil-ħemda ta’ darha Marija tgħallmet xi prezz għoli switilha l-maternità tagħha, bħal meta kien jaslilha li n-nies kienu jgħajru lil binha Ġesù li huwa “wikkiel, sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin” (Mt 11:19), jew meta semgħet lill-qraba jgħidu li Ġesù kien “tilef moħħu” (Mk 3:21). Fid-dawl ta’ din l-esperjenza, Marija tifhem lil dawk il-ġenituri li wliedhom huma kkalunnjati u mgħajra, u hija solidali ma’ dawk il-familji fejn hemm il-mard jew l-għeja mentali.

Marija, li sieħbet lil Binha fit-triq tal-Kalvarju, kienet taf bit-tradiment ta’ Ġuda, biċ-ċaħdiet ta’ Pietru, bl-abbandun tad-dixxipli. Għalhekk hija tifhem lil dawk il-koppji u familji mkissra b’xi tradiment.

Marija, li baqgħet wieqfa ħdejn is-salib, hija qrib il-familji msallbin.

Marija, li wara l-mewt ta’ Ġesù kienet miġbura mal-Appostli magħluqa fiċ-Ċenaklu, illum tassisti lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jinsabu magħluqa f’darhom u ma għandhomx il-ħila joħorġu u jittamaw.

Il-Madonna Ta’ Pinu

Nhar l-Erbgħa bdejna r-Randan, żmien li matulu, bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, it-talb, il-penitenza u l-karità, aħna nitħejjew għall-Għid il-Kbir. Kif dakinhar li Ġesù qam mill-mewt huwa mar fid-dar jiltaqa’ mad-dixxipli li kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud u bil-bibien magħluqa, hekk hija xewqa kbira tagħna li f’dan l-Għid il-Kbir Ġesù jiġi joqgħod magħna fid-djar tagħna. Imma kif dakinhar fid-dar tad-dixxipli kien hemm Marija, hekk ukoll illum ejjew ma nibżgħux nieħdu lil Marija għandna, biex hi tgħinna nitħejjew għal din iż-żjara ta’ Kristu Rxoxt.

Ħassejna li għandna nqiegħdu quddiemkom lil Marija għaliex din is-sena qegħdin infakkru l-400 anniversarju tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu li minnu fl-1883 hi sejħet lil Karmni Grima u Franġisk Portelli. Dakinhar il-Madonna qalet lil Karmni biex tgħid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li ġisimha dam fil-qabar qabel ma ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem. Fi kliem ieħor, fil-ġrajja tas-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu għandna rabta bejn l-Għid ta’ Kristu u l-Għid ta’ Marija. Li kieku dan il-kwadru kellu jitkellem, min jaf kemm jirrakkontalna esperjenzi sbieħ tal-Għid li seħħew bejn il-ħitan ta’ ħafna mid-djar tagħna! Napprezzaw li f’ħafna mid-djar tagħna hemm xbieha

tal-Madonna Ta’ Pinu, għax fejn hemm Marija jkun hemm Ġesù. U fejn hemm Ġesù hemm il-ħajja li tegħleb il-mewt, il-grazzja li teħles mid-dnub, it-tama li terfa’ min-niket, il-maħfra li tinfaxxa l-miksur, il-ferħ li jkeċċi d-dwejjaq, is-sliem li jtemm kull ġlied. Meta niftakru li r-Rużarju huwa talba għal qalb Marija u b’riflessjonijiet dwar Ġesù, nistiednu lill-familji tagħna biex jgħidu spiss din it-talba sabiħa.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.


Charles J. SciclunaArċisqof ta’ Malta

Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

Joseph Galea-CurmiIsqof Awżiljarju ta’ Malta

Ikkummenta