Messaġġ mill-Kappillan Dun Claude Portelli

Posted by on March 8, 2019 in Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Messaġġ mill-Kappillan Dun Claude Portelli

Ieqaf, ħares u erġa’ lura. Erġa’ lura fid-dar ta’ Missierek

Żmien ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex insewwu l-kordi stunati tal-ħajja Nisranija tagħna u nilqgħu l-aħbar dejjem ġdida, hienja u kollha tama tal-Għid tal-Mulej. Il-Knisja, fl-għerf tagħha ta’ omm, tipproponilna li nagħtu attenzjoni speċjali għal dak kollu li jista’ jberred jew ifarrak lill-qalb tagħna li temmen.

It-tentazzjonijiet li għalihom aħna esposti huma ħafna. Kull wieħed u waħda minna jaf x’inhuma d-diffikultajiet li jrid iħabbat wiċċu magħhom. U hu ta’ swied il-qalb naraw kif, quddiem il-ġrajjiet tal-ħajja ta’ kuljum, jinstemgħu ilħna li, waqt li japprofittaw mill-uġigħ u d-dubji tal-oħrajn, ma jafux jiżirgħu għajr il-qtigħ il-qalb. U jekk il-frott tal-fidi hu l-karità – kif kienet tħobb ittenni Madre Teresa ta’ Calcutta – il-frott tal-qtigħ il-qalb huma l-apatija u r-rassenjazzjoni. Qtigħ il-qalb, apatija u rassenjazzjoni: ix-xjaten li jmewtu u jipparalizzaw ir-ruħ tal-poplu li jemmen.

Ir-Randan hu żmien prezzjuż biex inneżżgħu l-maskra ta’ dawn it-tentazzjonijiet u oħrajn, waqt li nħallu l-qalb tagħna terġa’ tibda tħabbat mat-taħbita tal-qalb ta’ Ġesù … ieqafħares u erġa’ lura.

Ieqaf ftit, ħalli din l-aġitazzjoni u dan il-ġiri kollu bla sens li jimla l-qalb bl-imrar għax tħossok li qatt m’int qed tasal imkien. Ieqaf, ħalli warajk dan l-obbligu li trid bilfors tgħix bl-għaġla, li jxerred, jaqsam u jispiċċa biex jeqred il-ħin tal-familja, iż-żmien tal-ħbiberija, iż-żmien tal-ulied, iż-żmien tan-nanniet, iż-żmien ta’ Alla.

Ieqaf ftit mill-bżonn li tidher u jarak kulħadd, li toqgħod kontinwament “ġol-vetrina”, li jnessik il-valur tal-intimità u tal-ġabra.

Ieqaf ftit mill-ħarsa arroganti, il-kumment vojt u ta’ disprezz li tagħmlu għax tkun insejt il-ħlewwa, it-tjieba u r-rispett għal-laqgħa mal-oħrajn, speċjalment dawk vulnerabbli, miġruħa u anki mgħaddsa fid-dnub u fl-iżball.

Ieqaf ftit mill-urġenza li tħoss li trid tikkontrolla kollox, tkun taf kollox, tħarbat kollox, li jiġi mill-fatt li nsejt il-gratitudni għad-don tal-ħajja u għal tant ġid li rċivejt.

Ieqaf ftit mill-istorbju jtarrax li jdgħajjef u jistordi lil widnejna u li jnessina l-qawwa għammiela u ħallieqa tas-skiet.

Ħares. Ħares lejn is-sinjali li jistgħu jżommuk milli titfi fik l-imħabba, li jżommu ħajja l-fjamma tal-fidi u tat-tama. Uċuħ ħajjin tat-tama u tat-tjieba ta’ Alla li jaħdem f’nofsna.

Ħares lejn il-wiċċ tal-familji tagħna li jum wara l-ieħor għadhom jidħlu għall-isfidi, bi sforz kbir biex jimxu ’l quddiem fil-ħajja u, qalb tant ħwejjeġ li jonqsuhom u diffikultajiet, ma jħallu jaħarbilhom l-ebda tentattiv biex jagħmlu mid-dar tagħhom skola ta’ mħabba.

Ħares lejn l-uċuħ, li jisfidawna, l-uċuħ tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna mimlija bil-futur u bit-tama, mimlija bil-ġejjieni u bil-potenzjalitajiet li jesiġu dedikazzjoni u protezzjoni.

Ħares lejn l-uċuħ tal-anzjani tagħna migrufa biż-żmien li għadda minn fuqhom: uċuħ li jġorru l-memorja ħajja ta’ niesna. Uċuħ tal-għerf irżin ta’ Alla.

Ħares lejn l-uċuħ tal-morda tagħna u ta’ tant li jduru bihom; uċuħ li fil-vulnerabbiltà tagħhom u fis-servizz tagħhom ifakkruna li l-valur ta’ kull persuna ma jista’ qatt ikun ridott għal kwistjoni ta’ xi kalkolu jew ta’ utilità.

Ħares lejn l-uċuħ niedma ta’ tant persuni li qed ifittxu kif jagħmlu tajjeb għall-iżbalji tagħhom u, ibda mill-istess miżerji u tbatijiet tagħhom, jitqabdu biex jibdlu s-sitwazzjonijiet u jibqgħu mexjin ’il quddiem.

Ħares u kkontempla l-wiċċ tal-Imħabba Misluba, li llum mis-salib tissokta ġġorr it-tama; driegħ miftuħ għal dawk li jħossuhom imsallbin, li f’ħajjithom qed iħossu t-toqol tal-fallimenti, tad-diżappunti u tad-delużjonijiet.

Ħares u kkontempla l-wiċċ konkret ta’ Kristu mislub, mislub għall-imħabba ta’ kulħadd bla esklużjoni. Li tħares lejn wiċċu hi l-istedina kollha tama ta’ dan iż-żmien tar-Randan biex tista’ tirbaħ fuq ix-xjaten tal-qtigħ il-qalb, tal-apatija u tar-rassenjazzjoni. Wiċċ li jistedinna biex ngħajtu: is-Saltna ta’ Alla hi possibbli!

Ieqaf, ħares u erġa’ lura. Erġa’ lura fid-dar ta’ Missierek. Erġa’ lura bla biża’ fid-dirgħajn mixtieqa u miftuħa beraħ ta’ Missierek għani fil-ħniena li qed jistenniek (ara Efes 2:4)!

Erġa’ lura! Bla biża’: dan hu ż-żmien it-tajjeb biex terġa’ lura d-dar, id-dar ta’ “Missieri u Missierkom” (ara Ġw 20:17). Dan hu ż-żmien biex tħallih imisslek qalbek… Jekk sa tibqa’ fit-triq tal-ħażen, din tkun biss għajn ta’ illużjoni u ta’ niket. Il-ħajja vera hi differenti ħafna minn hekk, u l-qalb tagħna dan tafu tajjeb. Alla ma jegħjiex u mhu ħa jegħja qatt joffrilna jdejh (ara Bulla Misericordiæ vultus, 19).

Erġa’ lura bla biża’ biex idduq il-ħlewwa ta’ Alla li tfejjaq u tirrikonċilja! Ħalli lill-Mulej ifejjaq il-ġrieħi tad-dnub u jwettaq miegħek il-profezija li saret lil missirijietna: “Nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha” (Eżek 36:26).

 

Fr Claude

Ikkummenta