MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU GĦAR-RANDAN 2019

Posted by on March 10, 2019 in Featured Article, Kummissjoni Liturgija | 0 comments

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU  FRANĠISKU  GĦAR-RANDAN 2019

“Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana

r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” (Rum 8:19)

 

Għeżież ħuti,

 Kull sena, permezz ta’ Ommna l-Knisja, Alla “lill-fidili tiegħu jogħġbu jagħtihom li jitnaddfu f’ruħhom, u jistennew bil-ferħ il-Misteru tal-Għid, biex […] jitwasslu għall-milja tal-grazzja ta’ wliedu” (ara Prefazju I tar-Randan). B’dan il-mod nistgħu nimxu, minn Għid għall-ieħor, lejn il-milja ta’ dik il-fidwa li diġà rċivejna grazzi għall-Misteru tal-Għid ta’ Kristu: “Aħna salvi bit-tama” (Rum 8:24). Dan il-misteru ta’ salvazzjoni, li diġà jaħdem fina fil-ħajja fuq din l-art, hu proċess dinamiku li jinkludi fih ukoll l-istorja u l-ħolqien kollu. San Pawl jasal biex jgħid: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” (Rum 8:19). F’din il-perspettiva nixtieq noffri xi spunti għar-riflessjoni, li jistgħu jgħinuna fil-mixja tagħna ta’ konverżjoni fir-Randan li ġej.

 

1. Il-fidwa tal-ħolqien

Iċ-ċelebrazzjoni tat-Tridu tal-Għid – il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu –, quċċata tas-sena liturġika kollha, issejħilna kull darba biex ngħixu mixja ta’ tħejjija, bl-għarfien li hi l-ħniena ta’ Alla li tagħtina dan id-don bla qies li nistgħu nitwaħħdu ma’ Kristu (ara Rum 8:29).

 Jekk il-bniedem jgħix bħala iben u bint ta’ Alla, ikun jgħix bħala persuna mifdija, li tħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxiha (ara Rum 8:14), u jaf jagħraf il-liġi ta’ Alla u jqegħidha fil-prattika, ibda minn dik li hemm miktuba fil-qalb tiegħu u fin-natura, u jagħmel il-ġid anki lill-ħolqien, jikkopera għall-fidwa tiegħu. Għalhekk il-ħolqien – jgħidilna San Pawl – għandu bħal xewqa qawwija tassew għar-rivelazzjoni ta’ wlied Alla, jiġifieri li dawk li jgawdu mill-grazzja tal-Misteru tal-Għid ta’ Ġesù jgħixu b’mod sħiħ il-frott tagħha, li hu ddestinat li jilħaq il-maturazzjoni sħiħa tiegħu fil-fidwa tal-istess ġisem uman. Meta l-imħabba ta’ Kristu tittrasfigura l-ħajja tal-qaddisin – spirtu, ruħ u ġisem –, dawn jagħtu ġieħ lil Alla u, bit-talb, il-kontemplazzjoni, l-arti, anki lill-ħlejjaq jagħtu sehem f’dan, kif turi b’mod tal-għaġeb l-“Għanja ta’ oħtna x-xemx” ta’ San Franġisk ta’ Assisi (ara Enċiklika Laudato si’, 87). Imma b’dan il-mod, l-armonija li ġġib il-fidwa għadha u dejjem se tibqa’ mhedda mill-qawwa negattiva tad-dnub u tal-mewt.

 2. Il-qawwa qerrieda tad-dnub

Fil-fatt, meta aħna ma ngħixux ta’ wlied Alla, spiss inkunu nwettqu mġibiet qerrieda fil-konfront tal-proxxmu u l-ħlejjaq l-oħra – imma anki tagħna nfusna – għax naħsbu, xi ftit jew wisq, li nistgħu nagħmlu użu minnhom kif jogħġob lilna. Ninħakmu minn nuqqas ta’ moderazzjoni f’dak li nagħmlu, u dan iwassal għal stil ta’ ħajja li jikser il-limiti li l-kundizzjoni umana tagħna u l-istess natura jitolbuna nirrispettaw, għax inkunu qed nimxu skont dawk ix-xewqat bla kontroll li fil-ktieb tal-Għerf huma attribwiti lill-ħżiena, lil dawk li m’għandhomx lil Alla bħala punt ta’ riferiment tal-għemejjel tagħhom, lanqas tama għall-futur (ara 2:1-11). Jekk m’aħniex ngħixu kontinwament fid-dawl tal-Għid, b’ħarsitna lejn ix-xefaq tal-Qawmien, hu ċar li l-loġika tal-kollox u issa, ta’ min irid dejjem iżjed tispiċċa timponi ruħha fuqna.

 Il-kawża ta’ kull ħażen, dan nafuh, huwa d-dnub, li sa minn meta feġġ qalb il-bnedmin ra kif ikisser il-komunjoni ma’ Alla, mal-oħrajn u mal-ħolqien, li miegħu aħna marbuta qabelxejn f’ġisimna. Meta xxellfet il-komunjoni ma’ Alla, ixxaqqet ukoll ir-relazzjoni ta’ armonija tal-bnedmin mal-ambjent li fih imsejħin jgħixu, hekk li l-ġnien inbidel f’deżert (ara Ġen 3:17-18). Dan huwa d-dnub li jwassal lill-bniedem biex jaħseb li hu alla tal-ħolqien, u jħossu sid assolut tiegħu u jużah mhux għall-għan mixtieq mill-Ħallieq, imma għall-interess personali tiegħu, bi prezz qares għall-ħlejjaq u għall-oħrajn.

 Meta nabbandunaw il-liġi ta’ Alla, il-liġi tal-imħabba, nispiċċaw naffermaw il-liġi li min hu l-iktar b’saħħtu jgħaffeġ lil min hu dgħajjef. Id-dnub li hemm fil-qalb tal-bniedem (ara Mk 7:20-23) – u jidher bħala xeħħa, kilba żejda għall-ġid, nuqqas ta’ interess fil-ġid veru tal-oħrajn u spiss anki tiegħu nnifsu – iwassal għall-isfruttament tal-ħolqien, tal-persuni u tal-ambjent, skont dik ir-regħba li dejjem trid iżjed, li kull xewqa taraha dritt, u li llum jew għada sa tispiċċa teqred anki lil min hu maħkum minnha.

 3. Il-qawwa tal-indiema u tal-maħfra li tista’ tfejjaqna

Għalhekk, il-ħolqien għandu dan il-bżonn qawwi fih li jara r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla, dawk li saru “ħolqien ġdid”: “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid” (2 Kor 5:17). Fil-fatt, bir-rivelazzjoni tagħhom il-ħolqien innifsu jista’ “jagħmel l-Għid”: jinfetaħ għas-smewwiet ġodda u għall-art ġdida (ara Apok 21:1). U l-mixja lejn l-Għid qed issejħilna sewwasew biex inġeddu l-wiċċ tagħna u l-qalb tagħna ta’ Nsara, permezz tal-indiema, tal-konverżjoni u tal-maħfra, biex nistgħu ngħixu l-għana kollu tal-grazzja tal-Misteru tal-Għid.

 Dan in-“nuqqas ta’ sabar”, din ix-xenqa ħerqana tal-ħolqien issib il-milja tagħha meta jidhru wlied Alla, jiġifieri meta l-Insara u l-bnedmin kollha jiddeċiedu tassew li jidħlu f’dan l-“uġigħ tal-ħlas” li hu l-konverżjoni. Il-ħolqien kollu hu msejjaħ, flimkien magħna, biex joħroġ “mill-jasar tat-taħsir u jikseb il-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla” (Rum 8:21). Ir-Randan hu sinjal sagramentali ta’ din il-konverżjoni. Hu jsejjaħ lill-Insara biex ilaħħmu bl-iżjed mod qawwi u konkret il-Misteru tal-Għid fil-ħajja tagħhom personali, tal-familja u soċjali, b’mod partikulari permezz tas-sawm, tat-talb u tal-karità.

 Insumu, jiġifieri nitgħallmu nibdlu l-imġiba tagħna mal-oħrajn u mal-ħolqien: mit-tentazzjoni li “nibilgħu” kollox biex nissodisfaw il-kilbiet tagħna, għall-ħila li nbatu għall-imħabba, li tista’ timla l-vojt tal-qalb tagħna. Nitolbu biex nagħrfu niċħdu l-idolatrija u l-awtosuffiċjenza tal-jien tagħna, u nistqarru li aħna fil-bżonn tal-Mulej u tal-ħniena tiegħu. Nagħmlu karità biex nistgħu noħorġu mill-bluha li ngħixu u niġimgħu l-ġid kollu għalina nfusna, fl-illużjoni li b’hekk sa niżguraw għalina nfusna futur li mhuwiex tagħna. U hekk insibu mill-ġdid il-ferħ ta’ dak il-pjan li Alla qiegħed fil-ħolqien u fil-qalb tagħna, dak li nħobbu lilu, lil ħutna u lid-dinja kollha, u f’din l-imħabba nsibu l-hena veru.

 Għeżież ħuti, ir-“randan” tal-Iben ta’ Alla kien meta daħal fid-deżert tal-ħolqien biex reġġgħu lura għal dak il-ġnien tal-komunjoni ma’ Alla kif kien qabel id-dnub tal-bidu (ara Mk 1:12-23; Iż 51:3). Ħa jkun ir-Randan tagħna mixja fl-istess triq, biex inwasslu t-tama ta’ Kristu anki lill-ħlejjaq l-oħra, li “għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla” (Rum 8:21). Ma nħallux jgħaddi dan iż-żmien ta’ grazzja mingħajr ma nfittxu l-frott tiegħu! Nitolbu lil Alla jgħinna nibdew mixja ta’ konverżjoni vera. Nagħtu daharna lill-egoiżmu, il-ħarsa magħluqa fuqna nfusna, u nduru lejn l-Għid ta’ Ġesù; nersqu qrib ta’ ħutna li qed ibatu, u naqsmu magħhom il-ġid spiritwali u materjali tagħna. Hekk, jekk nilqgħu fil-konkret ta’ ħajjitna r-rebħa ta’ Kristu fuq id-dnub u fuq il-mewt, inkunu niġbdu anki fuq il-ħolqien il-qawwa tiegħu li kapaċi tibdel kollox fiha. 

Franġisku

Ikkummenta