Is-Sitt Ħadd tal-Għid

Posted by on May 26, 2019 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

Qari I

Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ.

Atti 15, 1-2.22-29

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, niżlu xi wħud mil-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: “Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw”. Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni.

Imbagħad l-appostli u l-presbiteri, flimkien mal-Knisja kollha, dehrilhom li kellhom jagħżlu lil xi wħud minnhom u jibagħtuhom Antjokja ma’ Pawlu u Barnaba. Dawn kienu Ġuda, jgħidulu Barsaba, u Sila, li kienu minn ta’ quddiem fost l-aħwa.

U bagħtu magħhom din l-ittra: “L-appostli u l-presbiteri, ħutkom, lill-aħwa ta’ Antjokja, tas-Sirja u taċ-Ċiliċja, li ġew mill-ġnus; is-sliem għalikom! Aħna smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom. Għalhekk aħna qbilna lkoll bejnietna u dehrilna li kellna nagħżlu lil xi wħud u nibagħtuhom għandkom flimkien mal-għeżież tagħna Barnaba u Pawlu, nies li ddedikaw ħajjithom għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk bgħatnielkom lil Ġuda u ’l Sila, biex jgħidulkom bi kliemhom l-istess ħaġa. Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ, jiġifieri, li titbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm, mil-laħam tal-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin. Tagħmlu tajjeb jekk tħarsu rwieħkom minn dawn. Saħħa!”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 66 (67), 2-3.5.6 u 8

R/. (ara 3b): Fost il-ġnus Alla wera s-salvazzjoni tiegħu

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Iħenn għalina Alla, u jberikna;

idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,

għax trieġi l-popli bis-sewwa,

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. R/.

Ifaħħruk il-popli, o Alla,

ifaħħruk il-popli kollha.

Iberikna Alla, u tibża’ minnu

l-art kollha minn tarf għall-ieħor! R/.

Qari II

L-anġlu wrieni l-Belt il-Qaddisa nieżla mis-sema.

Apok 21, 10-14.22-23

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

L-anġlu ħadni fl-ispirtu fuq muntanja kbira u għolja, u wrieni l-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla, bil-glorja ta’ Alla fiha, tiddi bħal ħaġra mill-aktar prezzjuża, bħal ġaspru jleqq daqs il-kristall.

Għandha ħajt kbir u għoli, bi tnax-il bieb fih, u tnax-il anġlu fil-bibien li fuqhom hemm miktuba ismijiet, l-ismijiet tat-tnax-il tribù ta’ wlied Iżrael. Tlieta minn dawn il-bibien jagħtu għan-naħa tal-Lvant, tlieta għan-naħa tat-Tramuntana, tlieta għan-naħa tan-Nofsinhar, u tlieta għan-naħa tal-Punent. U l-ħajt tal-Belt għandu tnax-il pedament, li fuqhom hemm it-tnax-il isem tat-tnax-il appostlu tal-Ħaruf.

Ebda tempju ma rajt fiha,

għax il-Mulej hu t-tempju tagħha,

Alla li jista’ kollox, u l-Ħaruf.

U l-Belt ma teħtieġ la xemx u lanqas qamar biex idawluha,

għax biex iddawwalha għandha l-glorja ta’ Alla,

u l-musbieħ tagħha l-Ħaruf.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;

u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-Ispirtu s-Santu jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.

Ġw 14, 23-29

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.

Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: “Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom”. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta