IT-TWELID TAL-KNISJA

Posted by on June 8, 2019 in Featured Article | 0 comments

IT-TWELID TAL-KNISJA

GĦID IL-ĦAMSIN, PENTEKOSTE (2019)

Fejn m’hemmx l-Ispirtu s-Santu m’hemmx Knisja. Dan hu kliem il-Missirijiet tal-Knisja. l-Ispirtu s-Santu huwa l-Imħabba li hemm bejn il-Missier u l-Iben li tinfirex b’qawwa ħerqana fuq il-bnedmin li jemmnu fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Fejn m’hemmx fidi fi Kristu, l-Ispirtu s-Santu ma jersaqx u jċedi postu għall-ispirtu tal-bniedem li bl-intenzjonijiet tajba kollha tiegħu ma jafx iġib u joħloq ħlief tħarbit u kaos.

Huwa l-Ispirtu ta’ Alla li mix-xejn joħloq is-sabiħ, mill-kaos l-ordni, mid-dlam id-Dawl. Il-Ġenesi jgħid li fil-bidu “kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-Ispirtu ta’ Alla.” (Ġen. 1, 1). Imma l-Imħabba ta’ bejn il-Missier u l-Iben bdiet issawar is-Sbuħija għax din l-Imħabba riedet tinqasam ma’ oħrajn, riedet tgħaddi għal għand oħrajn. Għax hu kontra n-natura tal-Imħabba li tinagħlaq fiha nnifisha, imma trid tinagħta u tinagħta sabiex l-hena u s-sbuħija tagħha titgawda iktar kemm timmultiplika. L-Imħabba toħloq dejjem; huwa l-egoiżmu tagħna li jeqred. Għalhekk inħoloq l-univers, u l-art li fuqha ninsabu, u s-sema u l-baħar, l-għoljiet u l-widien, l-annimali tal-art, tal-ilma u tal-ajru; u fuq kollox, l-Imħabba ħalqet il-bniedem xbiha tagħha. “U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u ara, kollox kien tajjeb ħafna.” (Ġen. 1, 31).

L-ikbar opra tal-Imħabba huwa l-bniedem, u fuq din il-ħlejqa, l-Imħabba rriskjat immens. Għax, ta’ Mħabba li hi, ma setgħetx ma toħloqx lill-bniedem ħieles li jiddeċiedi jekk jirreċiprokax din l-Imħabba jew idawwar spallejh u jitlaq ’l hemm. Alla ġralu bħal dak il-ġuvni li qalbu ntrabtet ma’ tfajla u wara li dam itella’ u jniżżel, resaq lejha u wrieha mħabbtu u talabha mħabbitha. Dejjem hu riskju, dan! Imma t-tfajla ma kellha l-ebda interess li tħobbu lura għax qalbha kienet tatha lil ħaddieħor, u qatgħetlu fil-qosor it-tamiet kollha tiegħu.

L-Imħabba, jekk hi Mħabba vera u mhux egoiżmu bħalma dejjem naraw madwarna, ma tistax tisforza. Hi tirtira lura sensittiva quddiem iċ-ċaħda. Il-bniedem dar lejn ħaddieħor u l-ħolqien, li minnu nnifsu hu tant sabiħ, sar kaos. Adam jiċħad lil martu quddiem Alla: “Il-mara li tajtni int għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.” (Ġen. 3, 12). Ibnu Kajjin joqtol lil ħuh. F’Babel bnedmin jinfirdu minn bnedmin oħra u jitwieldu l-ġnus. Kibret il-vjolenza, l-egoiżmu, l-inġustizzja, id-dittatura ta’ min jiflaħ fuq min hu dgħajjef.

Fejn hemm l-Ispirtu ta’ Alla hemm il-Ħajja għax il-Ħajja, il-Ħajja vera, il-Ħajja ta’ Dejjem hi l-Qdusija, hi l-Imħabba. Il-Qdusija biss hi ħajja għal dejjem. Barra mill-Qdusija, mill-ħbiberija ma’ Alla, hemm il-Mewt, u l-Mewt issaltan fuq id-dinja u fuq kull maħluq u kollox qed imut madwarna. Imma l-Imħabba tibqa tiġri wara l-bniedem. Hi wellditu fil-bidu u ma tridx li hu jmut imma li hu jerġa’ lura għall-oriġini, għall-bidu. U l-Imħabba niżlet tgħammar fi tfajla Lhudija.

Hawn beda proċess ta’ fidwa, ta’ salvazzjoni. Il-ġirja naturali tal-bniedem ’il bogħod minn Alla tieqaf ħesrem għal mument meta din it-tfajla, Marija, tgħid “Iva! Iva! Iva!” lill-Imħabba li hi l-Ispirtu s-Santu u l-isperma qaddisa tal-Imħabba tiffekonda lil Marija u din tqalet bla intervent ta’ raġel. Għax kulma jitwieled mill-bniedem hu bniedem, imma din il-ħlejqa rċeviet mingħand Marija laħam ta’ bniedem imma kienet Alla bl-intervent tal-Ispirtu.

Marija tqalet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Marija hija xbieha tal-Knisja li hi Omm dejjem tqila b’ulied ġodda li tathom Twelid Ġdid kif Ġesù semma f’widnejn Nikodemu. Il-ġuf tal-Knisja hu bħall-ġuf ta’ Marija, verġni għax ma jagħrafx raġel, imma l-Knisja titqal bl-intervent tal-Ispirtu s-Santu. Kull min jikkonverti u jibda jemmen tassew fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, hu bniedem ġdid, bniedem li mhux biss twieled minn omm u missier bħala bniedem, imma issa twieled mill-Knisja fit-tieni twelid tiegħu bħala xbieha ta’ Kristu. Dan kollu jsir fil-Magħmudija, li mhix Sagrament ta’ għaxar minuti imma ta’ għomor sħiħ, għax il-Magħmudija, dan it-Twelid Ġdid huwa proċess, bħalma proċess kienet il-mixja ta’ fidi ta’ Abraham u dik ta’ Iżrael fid-deżert.

Imma kien hemm mument storiku, meta l-Knisja nnifisha twieldet. Dak li sawwarha kien il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu u hi ħarġet mill-ġenb minfud ta’ Kristu li minnu ħareġ l-ilma tal-Magħmudija u d-Demm tal-fidwa, tat-tpattija tad-dnubiet. Imma l-Knisja kienet bla ħajja għall-ewwel ġranet tagħha. Anzi kienet għadha ma twieldet xejn anke jekk kienet imsawra mit-tbatijiet u l-Qawmien ta’ Kristu. L-Appostli ferħu meta raw lill-Mulej Ħaj mill-ġdid, imma huma ma nbidlux, baqgħu beżagħna bl-istaneg mal-bieb, magħluqa fihom infushom bħal akruxu.

Kien il-Pentekoste li bidel grupp ċkejken ta’ rġiel imħawda fi Knisja. Huma kienu mifruda wieħed mill-ieħor għax fejn hemm il-biża’ hemm l-egoiżmu. Ma setgħu jifhmu xejn mill-Istorja li għexu, mill-missjoni tal-Imgħallem. Kienu għadhom jittamaw fil-politika, li terġa titwaqqaf is-Saltna antika ta’ Iżrael. Kienu nies tad-dinja. Imsejkna, falluti, jħossuhom ħafna ħatja, u psikoloġikament fil-qiegħ. Kellhom waħda tajba: f’nofshom kien hemm Marija, l-Omm ta’ Ġesù, hi li rċeviet il-Wegħda sagrosanta ta’ Alla: “Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” (Lq. 1, 31-33). Hi kienet f’nofshom u huma talbu magħha.

U ġie l-Ispirtu tal-Imħabba li qabbad fi qlubhom ħġejjeġ ta’ nirien ta’ Mħabba u ta’ għarfien tal-Misteru ta’ Kristu li kien għadu moħbi lilhom. Ħassewhom maħbuba minn Alla fuq livell li ħasadhom! Din l-Imħabba għaqqdithom bejniethom u fejqithom mill-ġrieħi li kull bniedem iġorr fl-ispirtu tiegħu. Fuq kollox, l-Imħabba, li hi l-Ispirtu s-Santu, keċċiet il-barra l-biża’ minn ġo fihom u huma għaddew mill-mewt għall-Ħajja. Huma ġew imdaħħla fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn. Kienu jafu, kienu ċerti, kellhom garanzija li huma issa kienu ħajjin għal dejjem u ħadd u xejn ma seta’ jisirqilhom il-Ħajja.

Indifen Teżor fihom li għamilhom għonja mmens. Huma setgħu ibiegħu ġidhom u jaqsmuh mal-aħwa, jew setgħu iħallu lil min jisraqhom bla ma jitilfu l-paċi, għax l-għana tagħhom ma kienx il-muniti jew il-propjetà imma l-Ispirtu rebbieħ fuq il-Mewt li issa beda jgħammar fihom. X’waħda din! Dawn in-nies sabu l-milja tagħhom. Għall-ewwel darba, qalb il-bniedem li hi kbira daqs l-univers kollu, imtliet kollha kemm hi b’Dak li Hu biss seta’ jimliha. Nies sempliċi waslu biex irċivew dak li slaten, mexxejja, ġenerali tal-armati issieltu u qatlu l-eluf biex jippruvaw jakkwistawh, u ma akkwistawhx.

Dawn in-nies saru Ġemgħa ta’ Alla, Poplu miksub mid-Demm ta’ Kristu, Knisja, Għarusa ta’ Alla u l-Ġisem mistiku li jagħmel preżenti lil Kristu fid-dinja. Fejn jinsab Kristu? Hemm fejn hemm l-Imħabba ta’ bejn l-aħwa u l-għaqda. Dawn huma s-sinjali li jagħmlu Knisja. Il-bqija huma biss hemm għas-servizz ta’ dawn l-aħwa. Fejn hemm l-Ispirtu s-Santu bid-doni tiegħu li hu jqassam, hemm tinsab il-Knisja. Fejn m’hemmx Hu, m’hemmx Knisja. Kif qal l-Isqof tagħna: jista’ jkollok NGO organiżżata tajjeb u tagħmel ħafna xogħol, imma ma tkunx Knisja jekk fiha m’hemmx l-Ispirtu s-Santu ta’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt.

Ikkummenta