Waslet il-Festa

Posted by on August 11, 2019 in Featured Article, Messaġġ tal-Kappillan | 0 comments

Waslet il-Festa

F’dawn ix-xhur ta’ festi l-irħula u l-bliet Maltin jilbsu libsa differenti għal ftit jiem. Libsa li hija waħda festiva u kulurita. Libsa li ħafna huma dawk li jkunu qed jaħdmu ghaliha matul ix-xhur tas-sena qabel ma tasal il-ġimgha tant mistennija tal-festa.

Ta min jibda jsaqsi jekk dawn il-jiem tal-festi li jiġu u jmorru daqs żiffa riħ humiex qed iħallu impatt pożittiv fil-bniedem li jemmen. Hija rejalta, sfortunatament, li l-festi Maltin saru vetrina tal-kultura u l-arti pero’ mhux daqstant tal-fidi nisranija. Huwa fatt magħruf u aċċettat li l-festi esterni f’ħafna mill-parroċċi Maltin qed jikbru filwaqt li l-attivitajiet hekk imsejħa ta’ ġewwa qed ibattu. Qed tingħata ħafna importanza u enerġija lil dak li jidher, lil dak li huwa l-qoxra ta’ barra imma mhux lis-sustanza, dak li huwa essenzjali.

Ma nafx kemm hawn nies li jiġu jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġiljan u jafu tassew il-ħajja ta’ dan il-qaddis jew inkella x’inhuma l-virtujiet li jiddistingwu lil dan il-qaddis. Forsi jaslu biex jgħidu li qatel lil missieru u lil ommu imma jieqfu s’hemm. Ir-raġunijiet l-għalfejn sar qaddis jibqgħu mistura. Fl-istess waqt aħna msejħin ukoll li nimitaw dawn il-virtujiet sabiex b’hekk inkunu qed ngħatu ġieħ tassew lill-qaddis patrun tagħna. Il-festa f’ġieħ il-qaddis qiegħda hemm sabiex aħna li qegħdin nimxu f’dan il-pellegrinaġġ terren ikollna wkoll eżempji idejali fuq xiex nibbażaw il-ħajja u l-għażliet kostanti li ġġib magħha. Huwa kunċett żbaljat għall-aħħar li wieħed jaħseb li l-festa tiġi biss biex niltaqgħu flimkien nixorbu u ngħaddu siegħa żmien nitpaxxew bin-nar sabiħ fil-bajja ta’ Spinola.

Hemm bżonn urġenti li niskopru l-għeruq vera tal-festa Maltija f’ġieħ il-qaddisin li l-parroċċi tagħna qed jipproponulna bħala xhieda awtentika tal-Evanġelju u eżempju konkret li nistgħu nibnu l-ħajja nisranija fuqu. Ma nistgħux naqgħu fin-nasba li dawn il-festi nirriduċuhom f’xalata ta’ paganiżmu sfrenat u minflok ma jkunu ta’ xhieda għaż-żgħar tagħna u għall-barranin qed iservu f’xi ċirkostanzi bħala okkażjoni ta’ skandlu.

Dawk li tassew għandhom għal qalbhom il-Patrun tagħna San Ġiljan għandhom jieħdu l-ġimgħa tal-festa bħala opportunita’ oħra fejn ngħatu xhieda tal-imħabba lejn dan il-qaddis mhux bil-kliem u ċ-ċapċip imma bil-fatti konkreti. Tkun tassew festa xierqa lill-qaddis patrun tagħna San Ġiljan jekk niskopru mill-ġdid il-virtujiet li ħaddan hu wara l-konverżjoni tiegħu u ngħixuhom llkoll kemm aħna li nħobbuh, biex dak li nkanataw fl-Innu Popolari lil San Ġiljan “qima kbira b’hekk nuruk” ma jkunx kliem biss imma jissarraf f’azzjoni konkreta dejjiema.

 

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.

 

Fr Claude

Kappillan

Ikkummenta