L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena  

Posted by on September 13, 2019 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena   

Qari I

Il-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.

Eż 32, 7-11. 13-14

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Mosè: “Mur u inżel, għaliex tħassar il-poplu tiegħek, li inti tellajt mill-Eġittu. Malajr warrbu mit-triq li jiena wrejthom: għamlu għalihom għoġol tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju u qalu: “Dawn huma l-allat tiegħek, Iżrael, li tellgħuk mill-art tal-Eġittu”.

U l-Mulej issokta jgħid lil Mosè: “Jiena ħarist lejn dan il-poplu, u rajt li hu poplu ta’ ras iebsa. Ħallini waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom. U lilek nagħmlek ġens kbir”.

Mosè mbagħad talab bil-ħniena quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u qal: “Għaliex, Mulej, tixgħel bil-korla tiegħek għall-poplu tiegħek, li int, b’ħila kbira u b’id qawwija, ħriġtu mill-art tal-Eġittu? Ftakar f’Abraham, f’Iżakk u f’Iżrael, il-qaddejja tiegħek, li int ħliftilhom bik innifsek u għedtilhom: “Inkattar in-nisel tagħkom bħall-kwiekeb tas-sema, u din l-art kollha, li jien wegħedt, nagħtiha lil nisilkom bħala wirt għal dejjem”.

U l-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.12-13. 17 u 19

R/. (Lq 15, 18): Inqum u mmur għand missieri

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

Iftaħli xufftejja, Sidi,

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

 

Qari II

Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin.

1 Tim 1, 12-17

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan ix-xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu, lili li qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi tiegħu. Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi. Anzi lili l-grazzja ta’ Sidna kienet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u mal-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù.

Din hija kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed. Iżda jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu, b’eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta’ dejjem.

Lis-Sultan ta’ dejjem, li ma jmutx u li ma jidhirx, lil Alla waħdu, ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 5, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla kien li ħabeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,

u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ikun hemm ferħ fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.

Lq 15, 1-32

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, 1il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”.

Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”. Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema. Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli”. Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem”.

Qalilhom ukoll: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid”. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek”. Qam, u telaq għal għand missieru.

Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. Qallu ibnu: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek”. Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: “Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!” U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Qallu dak: “Hawn ħuk, u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ”. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: “Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! 30Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!”. Wieġbu missieru: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Jew il-forma l-qasira

 

Evanġelju

Ikun hemm ferħ fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.

Lq 15, 1-10

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”. Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”. Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.

Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli”. Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta