Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on October 19, 2019 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Kull meta Mosè kien jerfa’ jdejh, Iżrael kien jirbaħ.

Eż 17, 8-13

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, il-poplu ta’ Għamalek qam u tqabad ma’ Iżrael f’Rafidim. Mosè qal lil Ġożwè: “Agħżel irġiel u mur tqabad ma’ Għamalek; jien noqgħod wieqaf fuq il-quċċata tal-għolja, bil-ħatar ta’ Alla f’idi”. Ġożwè għamel kif qallu Mosè, u mar jitqabad mal-Għamalekin. Mosè, Aron u Ħur telgħu fuq il-quċċata tal-għolja. Kull meta Mosè kien jerfa’ jdejh, Iżrael kien jirbaħ; u kull meta kien iniżżel idejh, kienu jirbħu l-Għamalekin. Meta idejn Mosè bdew jitqalu, ħadu ġebla u qegħduhielu taħtu; u hu qagħad bilqiegħda, waqt li Aron u Ħur żammewlu dirgħajh, wieħed kull naħa. Hekk idejh baqgħu sodi merfugħa sa nżul ix-xemx. U Ġożwè qered lil Għamalek u l-poplu tiegħu b’xifer ix-xabla.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 120 (121), 1-2.3-4.5-6.7-8

R/. (2): L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet;

mnejn se tiġini l-għajnuna?

L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej,

li għamel is-sema u l-art. R/.

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor;

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod

dak li jħares lil Iżrael. R/.

Il-Mulej hu dak li jħarsek;

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar,

anqas il-qamar billejl. R/.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni;

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,

minn issa u għal dejjem. R/.

 

Qari II

Il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.

2 Tim 3, 14 – 4,2

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, ibqa’ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu, u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.

L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.

Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,

tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Alla jagħmel ħaqq lill-magħżulin tiegħu.

Lq 18, 1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”

U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta