It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Posted by on October 12, 2019 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Nagħman raġa’ lura għand il-bniedem ta’ Alla u stqarr lill-Mulej.

2 Slat 5, 14-17

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, Nagħman, il-kmandant tal-eżerċtu tas-Sultan ta’ Aram, niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet, bħalma qallu Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu. U raġa’ lura għand Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek”. U qallu Eliżew: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma nieħu xejn”. U ma ħadhulux, għad li l-ieħor issikkah ħafna. Għalhekk Nagħman qallu: “La ma tridx, nitolbok li tingħata lill-qaddej tiegħek tagħbija ta’ żewġ bgħula ħamrija; għax il-qaddej tiegħek mhuwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4

R/. (ara 2b): Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

 

Qari II

Jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu ma’ Kristu.

2 Tim 2, 8-13

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, ftakar f’Ġesù Kristu,

li qam mill-imwiet,

li hu min-nisel ta’ David,

skont l-Evanġelju li ħabbart jien.

Għalih jien qiegħed inbati

sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt.

Imma l-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta!

Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta’ dawk li Alla

għażel, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni, li hi ta’ glorja għal

dejjem fi Kristu Ġesù.

Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha:

Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;

jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll;

jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll;

jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu;

għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Tess 5, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iżżu ħajr lil Alla f’kollox.

Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani.

Lq 17, 11-19

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta