Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu Solennità

Posted by on November 22, 2019 in Liturġija tal-Ħadd | 0 comments

Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu  Solennità

Qari I

Lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.

2 Sam 5, 1-3

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, it-tribujiet kollha ta’ Iżrael ġew għand David f’Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna! Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: “Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael”.

U x-xjuħ kollha ta’ Iżrael ġew għand is-Sultan f’Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom f’Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 121 (122), 1-2.4-5

R/. (ara 1): Sejrin ferħana f’dar il-Mulej

Fraħt meta qaluli:

“Sejrin f’dar il-Mulej!”

Diġà qegħdin riġlejna

fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu,

it-tribujiet tal-Mulej. R/.

Biex, skont il-liġi ta’ Iżrael,

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,

it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.

Qari II

Daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub.

Kol 1, 12-20

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam,

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub,

li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,

Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.

Kollox bih u għalih kien maħluq,

hu li hu qabel kollox,

u kollox fih qiegħed iżomm.

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.

Hu li hu l-bidu,

il-kbir li qam mill-imwiet,

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;

bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;

bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 11, 9.10

Hallelujah. R/. Hallelujah

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!

Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.

Lq 23, 35-43

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ikkummenta